Iż-żieda li l-Gvern mistenni jagħti għall-għoli tal-ħajja fil-Budget 2015 se tkun ta’ €1.16 fil-ġimgħa jiġifieri waħda mill-anqas fl-aħħar snin. Rapport fil-ġurnal The Times jikkwota sorsi fost l-imsieħba soċjali, li qed isostnu li din iż-żieda se tkun hekk minħabba li fl-aħħar xhur kien hemm rata ta’ inflazzjoni baxxa. Jekk dan jitwettaq, komplessivament fl-2015 tammonta għal €60.32.
Iż-żieda fl-għoli tal-ħajja tinħadem b’formula bbażata fuq ir-Retail Price Index, li jikkalkula t-tibdil fil-prezzijiet tal-prodotti fis-suq. Jekk iż-żieda tkun ta’ €1.16 fil-ġimgħa, din tkun fl-istess livell tal-2011, meta ż-żieda wkoll kienet ta’ €1.16 fil-ġimgħa. L-ogħla żieda fl-għoli tal-ħajja kienet fl-2010 meta ngħatat żieda ta’ €6.06 fil-ġimgħa.
Żidiet oħrajn tajbin fl-għoli tal-ħajja kienu fl-2009 u fl-2013 meta ngħatat żieda ta’ €4.08 fil-ġimgħa, fl-2012 meta ngħatat żieda ta’ €4.66 fil-ġimgħa u fl-2014 meta ż-żieda kienet ta’ €3.49 fil-ġimgħa. Iż-żieda mogħtija fl-2010 kienet l-ogħla waħda fi 15-il sena.
//= $special ?>