Mijiet ta’ dimostranti Kurdi dalgħodu nvadew il-bini tal-Parlament Ewropew biex jappellaw għal atar azzjoni mill-awtoritajiet Ewropej kontra l-Istat Iżlamiku (IS). Mhux magħruf kif dawn id-dimostranti kollha rnexxielhom jidħlu fil-Parlament Ewropew minkejja s-sigurtà qawwija li hemm fil-post biex wieħed jidħol f’wieħed mill-ogħla istituzzjonijiet Ewropej.
Ritratti mibgħuta lil MaltaRightNow.com juru lid-dimostranti jġorru bnadar sofor, filwaqt li rappreżentanti minnhom telgħu fuq mejda li jintuża’ f’sett televiżiv għall-programmi dwar l-Unjoni Ewropea, minfejn għamlu l-appelli tagħhom lill-pajjiżi Ewropej. Membri tas-sigurtà fil-Parlament Ewropew ippruvaw jikkontrollaw is-sitwazzjoni, iżda din il-ħidma ħaditilhom ftit fit-tul mhux ħażin minħabba l-ammont kbir ta’ dimostranti preżenti.
Din il-protesta kienet l-aħħar minn sensiela ta’ protesti li seħħew fil-jiem li għaddew madwar l-Ewropa. Fost oħrajn, ilbieraħ numru ta’ dimostranti għamlu protesta simili fl-Ajruport ta’ Brussell, filwaqt li fil-jiem li għaddew inżammu protesti wkoll fost oħrajn f’Ruma, Londra, Vjenna u f’Cologne.
//= $special ?>