Sport

Se jressqu l-Olimpjadi minħabba t-Tazza tad-Dinja

Rapporti fil-midja Ingliża qed isostnu li l-Olimpjadi tax-Xitwa tal-2022 jistgħu jsiru f’data oħra biex ma jaħbtux mat-Tazza tad-Dinja tal-futbol li se ssir fil-Qatar.

Il-Qatar għadu ma rebaħx id-dritt li jorganizza l-Olimpjadi tax-Xitwa imma jekk dan iseħħ, jista’ jagħti l-każ li l-logħob ma jsirx fid-data li jsir is-soltu, jiġifieri fi Frar.

It-Tazza tad-Dinja ssir fis-Sajf imma minħabba temperaturi għoljin fil-Qatar il-FIFA qed tikkunsidra li din issir fix-Xitwa, x’aktarx bejn Jannar u Frar.

L-Olimpjadi tax-Xitwa tal-2022 se jsiru f’Beijing jew f’Almaty wara li l-belt ta’ Oslo irtirat il-kandidatura tagħha.

Il-Viċi Kap Eżekuttiv tal-European Club Association (ECA) Umberto Gandini, qal li l-klabbs Ewropej iridu li t-Tazza tad-Dinja ssir f’Jannar u Frar biex b’hekk il-kampjonati domestiċi ma jkollhomx għalfejn jieqfu għal żmien twil minħabba li wħud minnhom ikunu waqt il-waqfa tal-Milied u l-ewwel tas-sena.

Jekk it-Tazza tad-Dinja ssir fix-xhur ta’ Novembru u Diċembru tal-2022, it-Tazza tan-Nazzjonijiet Afrikani tal-2023 ikollha ssir f’xhur differenti minn dawk li ssir fihom is-soltu. It-Tazza tan-Nazzjonijiet Afrikani tal-2023 hi skedata li tintlagħab bejn Jannar u Frar fil-Guinea.