Lokali

Sena mill-attentat ta’ serqa kbira mill-HSBC fis-Swieqi għadu ma tressaq ħadd il-Qorti

Bħal dan iż-żmien sena, il-Pulizija kienet ħabbret li sabet mina taħt l-art fid-direzzjoni tal-fergħa tal-HSBC fis-Swieqi u li għalhekk kienet sfrattat dik li kellha tkun serqa kbira ħafna. Għalkemm immedjatament wara dik is-sejba l-Pulizija tad-Dipartiment Investigazzjonijiet Kriminali (DIK) kienu għamlu numru ta’ arresti u interrogaw ukoll numru ta’ persuni li setgħu jgħinu fl-istħarriġ, sal-lum baqa’ ma tressaq ħadd il-Qorti b’konnessjoni ma’ dan l-attentat ta’ serq.

Fil-ħarġa tal-lum, il-ġurnal In-Nazzjon ikkwota sorsi li kienu qrib l-investigazzjonijiet tal-Pulizija b’rabta ma’ dan il-każ u li fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet tkellmu mal-ġurnal biex iqajmu numru ta’ punti mill-aktar interessanti. Fost l-osservazzjonijiet kien hemm dak li l-Pulizija, li milli jidher kienu ilhom ftit ittippjati dwar it-tħaffir ta’ din il-mina fis-Swieqi, baqgħu ma ressqu lil ħadd il-Qorti.

L-aktar osservazzjoni iebsa mis-sorsi li tkellmu ma’ In-Nazzjon kienet jekk l-isfrattar tas-serqa sarx bl-iskop preċiż li min kien involut ma jinqabadx u għalhekk jgħaddiha lixxa. Il-Pulizija kienu qalu li kienu waslu biex stabbilew il-mina wara ġimgħa ta’ investigazzjonijiet intensivi li kienu oriġinaw wara informazzjoni lill-Pulizija li kien hemm kumplott biex jinsteraq il-Bank HSBC tas-Swieqi.

Dakinhar, dwar dan l-attentat kien mgħarraf il-Maġistrat tal-Għassa, li ordna li ssir inkjesta, filwaqt li l-Pulizija kienet imbarkat fuq investigazzjonijiet li kellhom jistabilixxu l-identità tal-persuni involuti f’dan l-attentat. Residenti fl-inħawi kienu stqarrew li ma kienu ntebħu b’xejn dwar dak li kien qed jinħema minn numru ta’ ħallelin, anke jekk ix-xogħol tat-tħaffir tal-mina kien qed isir taħt id-djar tagħhom.