Internazzjonali

Tissokta t-tensjoni fil-Korea ta’ Fuq

IL-KOREA TA’ FUQ: Bastimenti navali mill-Korea ta’ Fuq u mill-Korea t’Isfel sparaw fuq xulxin mingħajr ma ħolqu danni jew inċidenti. Il-konflitt seħħ wara li vapur mill-Korea ta’ Fuq qasam u daħal fl-ibħra tal-Korea t’Isfel.

Skont il-Ministeru tad-Difiża tal-Korea t’Isfel, patrol boat tal-Korea ta’ Fuq baħħret nofs mil nawtiku fit-territorju tal-Korea t’Isfel.

L-ewwel rapporti ma ċċarawx liema bastiment spara l-ewwel u l-bastiment tal-Korea ta’ Fuq irtira fid-direzzjoni tal-ibħra territorjali ta’ pajjiżu fi żmien għaxar minuti.

Il-fruntiera marittima tal-Baħar l-Isfar kienet tfasslet min-Nazzjonijiet Uniti fi tmiem il-gwerra tal-Korea fil-bidu tas-snin 50, mingħajr ebda kunsens mill-Korea ta’ Fuq. It-tmexxija dittatorjali fi Pyongyang għadha tirrifjuta l-validità ta’ din il-fruntiera marittima.

It-tensjonijiet komplew matul din l-aħħar sena bejn Pyongyang u Seoul fid-dawl ta’ theddid b’attakki mid-dittatur tal-Korea ta’ Fuq Kim Jong Un.