Qorti

Tliet snin ħabs għal prostituta li serqet ‘wallet’ ta’ klijent tagħha

Tfajla ta’ 27 sena minn Santa Luċija ġiet ikkundannata tliet snin ħabs wara li nstabet ħatja li serqet kartiera minn fuq klijent regolari tagħha. Hi nstabet ħatja wkoll li tlajjat għal skop ta’ prostituzzjoni fil-Marsa u li saret reċidiva. Donna Camilleri nstabet ħatja li fis-7 ta’ Settembru 2013 serqet il-kartiera ta’ Robert Spiteri, li kien fiha €80.

Fil-Qorti, il-vittma qal li ftiehem ma’ Camilleri l-prezz ta’ €20 u mar magħha fil-karozza tiegħu ħdejn il-fabbriki tal-Marsa. Għall-ewwel kien se jkollu x’jaqsam magħha sesswalment, iżda wara qal li reġa’ bdielu għax talbitu aktar flus. Tenna li f’ħin minnhom tfaċċa raġel, li qabdu minn għonqu u talbu aktar flus, b’Camilleri, li dak il-ħin kienet fil-karozza tiegħu, ħaditlu l-kartiera.

Robert Spiteri qal li ma jafx min seraqlu l-kartiera u lanqas għaraf lil Kyle Mifsud, allegatament is-sieħeb ta’ Donna Camilleri, li kien mixli wkoll b’kompliċità ta’ serq u agressjoni. Mifsud ġie lliberat minn kull akkuża minħabba nuqqas ta’ provi.

Min-naħa tagħha, Camilleri qalet li kien Kyle Mifsud li seraq il-flus u li hi u Spiteri kellhom x’jaqsmu sesswalment. Meta tressqet sena ilu, għall-ewwel Camilleri kienet se tammetti l-akkużi miġjubin kontriha, iżda kienet bidlet fehmitha fuq suġġeriment tal-Avukat tagħha Luciano Busuttil.Flimkien mas-sieħeb tagħha, hi kienet mixlija li ħebbet għal Spiteri, akkuża li tagħha ma nstabitx ħatja.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Robert Vella u Fabian Fleri.