Melchior Spiteri, ta’ 39 sena minn Bormla u li jinsab il-ħabs fuq diversi każijiet oħrajn fosthom ta’ qtil, kien ikkundannat 18-il xahar ieħor ta’ priġunerija wara li nstab ħati li fiċ-ċella tiegħu kellu fil-pussess tiegħu d-droga eroina bl-intenzjoni li jittraffikaha. Il-każ kien seħħ fl-2007 u nstab ħati wkoll li kellu fil-pusses tiegħu id-droga kannabis.
Quddiem il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras, mill-provi rriżulta li total ta’ 4.28g eroina nstabet għand Spiteri u li kienet maqsuma f’ħames pakketti ma’ borża tal-plastik li kien fiha l-eroina. Erba’ mill-pakketti u l-borża nstabu f’pakkett tas-sigaretti u fil-but ta’ Spiteri. Pakkett ieħor instab moħbi taħt is-saqqu f’Diviżjoni 3 u l-Pulizija sabet ukoll karta safra b’sustanza suspettuża.
Spiteri, li kien ilu l-ħabs sitt snin qabel din is-sejba, qal li d-droga kienet biss għall-użu personali tiegħu. Qal li kien qasam id-droga, li kien xtara mingħand priġunier ieħor, biex jikkalkula sew kemm kien jikkonsma kuljum. Tenna li hu kien jieħu 2.5g kuljum. Madankollu, il-Qorti qalet li l-ispjegazzjoni ta’ Spiteri ma kinitx kredibbli minħabba li tliet pakketti kienu nstabu b’toqol identiku ta’ 0.05g, ir-raba’ pakkett kien fih 0.06g, filwaqt li l-karta safra kien fiha 0.11g. Il-Qorti qalet li l-akkużat ma tantx ta każ li jirriskja jiżen il-pakketti fiż-żmien li kien qed iservi sentenza ta’ ħabs.
Fis-sentenza tagħha, il-Maġistrat Galea Sciberras qalet li Spiteri għandu kondotta voluminuża u li kien ikkundannat mhux anqas minn 29 darba. Hu bbenefika wkoll minn sentenzi sospiżi, ordnijiet ta’ probation u multi. Fil-kuntest ta’ dan kollu, il-Qorti qalet li d-droga f’kull pakkett bi kważi l-istess toqol bl-eżatt turi li kien qed jippjana biex ibigħhom. Kien ikkonfermat ukoll li kien nadif mid-droga u li kien xtraha mingħand ħaddieħor.
Spiteri qed iservi sentenza ta’ 30 sena ħabs wara li kien instab ħati f’ġuri li spara u qatel lil Jason Azzopardi, magħruf bħala “Is-Sufu”. Dan il-qtil kien seħħ f’Bormla fit-22 ta’ Ottubru 2001. Tmien snin ilu hu kien ġie mixli wkoll b’konnessjoni mal-qtil tax-Chef Taljan Vittorio Cassone f’San Ġiljan, li seħħ 22 sena ilu.
//= $special ?>

