Dak li kellu jkun vjaġġ normali lura lejn Għawdex, fil-lejl ta’ bejn is-Sibt u l-Ħadd li għadda wara n-Notte Bianca, spiċċa biex inbidel fi vjaġġ li ħoloq inkonvenjent bla bżonn għall-passiġġieri kollha fuq il-vapur tal-Gozo Channel. Dan kollu minħabba li wieħed mill-passiġġieri, inċidentalment attivist kbir tal-Partit Laburista li llum il-ġurnata mhux biss kibritlu rasu iżda jaħseb li ħadd ma jista’ għalih, ma riedx jobdi l-ordnijiet tal-baħrin li talbuh jipparkja l-karozza tiegħu fl-ewwel sular tal-bastiment.
Il-ġurnal In-Nazzjon illum żvela kif dan wassal biex it-tluq tal-bastiment miċ-Ċirkewwa, oriġinarjament skedat għall-ħabta tal-12.15am sbieħ il-Ħadd, spiċċa biex ittardja aktar minn nofsiegħa. Il-passiġġieri abbord, li ma kienux jafu x’qed jiġri, bdew igergru għal dan id-dewmien. Sorsi abbord il-vapur tal-Gozo Channel qalu lill-ġurnal li fuq dan il-vjaġġ kienu qed jirritornaw lejn Għawdex mijiet ta’ passiġġieri u karozzi li kienu qasmu lejn Malta biex igawdu n-Notte Bianca fil-Belt.
Kollox kien miexi b’ordni u l-karozzi kienu telgħin fuq il-vapur sakemm f’mument minnhom tniżżlet ir-rampa li tagħti għall-parkeġġ fl-ewwel sular u bdew jittellgħu l-karozzi hemm ukoll. Madankollu, f’ħin minnhom inqala’ inċident bla bżonn meta sewwieq partikulari, l-attivist Laburista, beda joġġezzjona u ma riedx jobdi l-ordnijiet tal-baħrin. Għaldaqstant, qam mument ta’ tensjoni, bis-sewwieq u l-passiġġieri l-oħrajn li kellu miegħu jinżlu mill-karozza pparkjata fil-garaxx tal-bastiment u jitilgħu fil-kafetterija.
Minkejja l-appelli bil-PA System, l-attivist Laburista baqa’ jħaqqaqha, bis-sitwazzjoni eskalat tant li fil-post kellhom jissejħu wkoll il-Pulizija mill-Għassa tal-Mellieħa, li ordnaw lis-sewwieq biex jobdi l-ordnijiet mogħtija lilu mill-First Officer u mill-baħrin. Grazzi għall-intervent tal-Pulizija, il-vjaġġ seta’ jitlaq u wħud mill-passiġġieri urtati setgħu jinstemgħu jilmentaw dwar id-dewmien esaġerat fit-tluq tal-vapur biex jirritornaw lejn djarhom.
Is-sorsi li tkellmu ma’ In-Nazzjon qalu li dan kien inċident verament bla bżonn u li nħoloq b’mod kapriċċuż. Mhux magħruf x’passi ħadet il-Pulizija u jekk hix se tipproċedi kontra min ikkawża dan l-inċident, kif lanqas hu magħruf jekk l-għada tal-inċident il-Pulizija bagħtitx għal dan ir-raġel biex tinterrogah. Il-ġurnal ikkwota sorsi li qalu li s-sewwieq li ħoloq dan l-inċident għalxejn b’xejn, kemm-il darba jinstema’ jiftaħar li hu qrib ta’ għadd ta’ Membri Parlamentari Laburisti.
//= $special ?>