Futbol Internazzjonali Sport

Barcelona u Espanyol jistgħu jitneħħew mill-kampjonat Spanjol

Barcelona u Espanyol jistgħu jitneħħew mill-kampjonat Spanjol

Rapporti fil-midja Spanjola qed jispekulaw li jekk Katalunja tikseb l-indipendenza Barcelona u Espanyol ma jkunux jistgħu jibqgħu jikkompetu fil-kampjonat Spanjol. Dan qalu l-President tal-FA Spanjola Javier Tebas.

Fid-9 ta’ Novembru mistenni jsir referendum u jekk il-maġġoranza jivvutaw favur li Katalunja tkun indipendenti ikun hemm tibdil drastiku fil-kampjonat. B’kollox Barcelona rebħu l-kampjonat 22 darba u spiċċaw runners-up 24 darba filwaqt li Espanyol qatt ma rebħu l-kampjonat.

Il-liġi tal-pajjiż tippermetti tim wieħed biss li m’huwiex fi Spanja jikkompeti fil-La Liga u dan hu t-tim mill-Andorra, Andorra FC.

Fl-istorja tal-futbol Spanjol Barcelona kienu l-akbar rivali ta’ Real Madrid, l-aktar klabb li rebaħ kampjonati domestiċi u jekk il-Katalani ma jitħallewx jilagħbu fil-La Liga din tkun daqqà ta’ ħarta kbira għall-kampjonat Spanjol, kampjonat li hu meqjus fost l-aqwa fl-Ewropa. Minkejja li hu wieħed mill-aqwa kampjonati fid-dinja, ħafna huma tal-fhema li l-La Liga hu kampjonat li fih ma tantx hemm kompetizzjoni għax kważi dejjem ikunu Real u Barcelona li jissieltu għar-rebħ tat-titlu.

Fl-istaġun li għadda kienu Atletico Madrid li rebħu l-kampjonat u ħafna kienu dawk li qalu li s-suċċess ta’ Atletico kien ta’ ġid għall-futbol Spanjol.