Editorjal

Editorjal: Il-kompromessi Laburisti fid-demokrazija

Meta ngħidu li xi ħaġa għandha ssir ‘bla kompromessi’, infissru li dik il-ħaġa hi ta’ valur tant għoli li għandha titwettaq bis-sħiħ. Jekk ngħidu li, pereżempju, il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata trid issir ‘bla kompromessi’, inkunu qed infissru li dik il-ħidma rridu nagħmluha bla tnaqqis ta’ xejn, bla ma nċedu xejn.

Twessigħ tad-demokrazija mill-Partit Nazzjonalista
Il-Partit Nazzjonalista wera f’diversi ġrajjiet importanti u żminijiet, li t-twemmin tiegħu fid-demokrazija hu bla kompromessi. Għamel l-ewwel trasferiment ta’ poter wara l-Indipendenza fl-1971 u kull darba wara b’mod ineċċepibbli. Irrestawra d-demokrazija nazzjonali fl-1987 wara li din kienet ilha nieqsa ħames snin u nofs.

Twemmin fid-demokrazija bla kompromessi
Il-Partit Nazzjonalista wessa’ d-demokrazija bl-elezzjonijiet għall-Kunsilli Lokali u għall-Parlament Ewropew. Introduċa anke r-referendum abrogattiv biex in-nies ikunu jistgħu jneħħu liġijiet li l-politiċi ma jkunux iridu jneħħu. Dan hu t-twemmin tal-Partit Nazzjonalista fid-demokrazija; twemmin bla kompromessi.

L-istorja mtebbgħa ħafna tal-Labour fid-demokrazija
Min-naħa l-oħra, għall-Partit Laburista, id-demokrazija trid issir bil-kompromessi, bit-tnaqqis, billi d-demokrazija jkollha ċċedi. It-tebgħa kbira fuq il-Partit Laburista tan-nuqqas ta’ demokrazija bejn l-1981 u l-1987 ma jħassarha ħadd. Il-vjolenza fiżika u psikoloġika fuq kull min ma jaqbilx mal-Labour hi magħrufa bil-qawwi.

Għal Muscat, id-demokrazija lokali hi inkonvenjent
Il-mod kif Joseph Muscat u Alfred Sant fl-2003 interpretaw bil-maqlub ir-riżultat tar-referendum dwar is-sħubija fl-Unjoni Ewropea hu notorju. U issa Joseph Muscat ilu erba’ xhur jgħid li jrid iħassar l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali għal ħames snin; intenzjoni li turi ċar li għal Joseph Muscat id-demokrazija lokali hi inkonvenjent.

Gvern fallut li ma jiflaħx jagħmel elezzjonijiet lokali
Naturalment, Joseph Muscat ma qalx hekk. Qal li l-Gvern Laburista m’għandux flus biex jagħmel elezzjonijiet tal-Kunsilli. Ammissjoni ta’ Gvern fallut jekk m’għandux flus imqar biex jagħmel l-aktar ħaġa bażika fid-demokrazija. Qal li n-nies għajjew jivvutaw meta f’Malta jmorru l-aktar nies jivvutaw fl-Ewropa kollha f’kull livell.

Kompromess: id-demokrazija lokali trid iċċedi
Issa, il-Prim Ministru Joseph Muscat ħabbar li d-demokrazija lokali trid iċċedi biċċa – dak hu li jfisser il-kompromess li qal li se jilħaq fid-demokrazija lokali. Dan hu fejn wasal il-Prim Ministru Muscat li għalih – fl-istess linja tal-passat ikrah tal-Partit Laburista – id-demokrazija lokali hi inkonvenjent u trid iċċedi.