Futbol Sport

Feautre: il-konfronti kollha bejn Malta u n-Norveġja

minn Christian Micallef

It-tim nazzjonali Malti għada fit-8.45 p.m. fl-istadium nazzjonali f’Ta’ Qali se jilgħab l-ewwel logħba f’pajjiżna minn Grupp H tal-Euro 2016 li se ktun kontra n-Norveġja. Matul dawn l-aħħar 53 sena Malta lagħbet disa’ partiti kontra n-Norveġja. Għalkemm hemm min isostni li huma tmienja l-partiti uffiċjali għaliex waħda minnhom kienet kontra t-tim Olimpiku. Minn dawn kien hemm 6 rebħiet għan-Norveġiżi u tliet draws. Din hi ħarsa fil-qosor lejn dawn il-partiti.

5 ta’ Novembru 1961
Malta vs Norveġja 1-1
L-ewwel partita kontra n-Norveġja kienet il-Ħadd 5 ta’ Novembru fl-Istadium tal-Gżira. Partita ta’ ħbiberija li ntemmet 1-1. Iddebutta bħala kowċ nazzjonali Karm Borg, it-tieni kowċ nazzjonali Malti. Il-gowl tal-Maltin kien skorjat minn Pullu Demanuele.

3 ta’ Lulju 1962
Norveġja vs Malta 5-0
Fl-1962, Malta lagħbet fin-Norveġja u sofriet l-ikbar telfa s’issa 5-0. Ftit jiem biss qabel, Malta kienet tilfet 6-1 kontra tim ieħor Skandinavu, d-Danimarka f’dik li kienet l-ewwel partita kompetittiva.

7 ta’ Frar 1990
Malta vs Norveġja 1-1
Fl-1990 Malta lagħbet kontra n-Norveġja fir-Rothmans Turnament. Responsabbli mit-tmexxija teknika tal-iskwadra kien hemm il-Ġermaniż Horst Heese, fl-ewwel avventura tiegħu minn tnejn. Nieqsa mit-tim nazzjonali kien hemm iż-żewġ plejers li kienu qed jilagħbu ma’ klabbs barranin; John Buttigieg u Carmel Busuttil. Fuq nota pożittiva iżda, fit-tim nazzjonali kienu qed jirritornaw wara aktar minn sena d-difensuri ta’ Hibernians Edwin Camilleri u dak ta’ Valletta Kristian Laferla waqt li għall-ewwel darba beda mill-ewwel minuta fir-rwol ta’ difensur Joe Falzon ta’ Żurrieq.
Il-Maltin taw wirja tajba.

Kienu l-avversarji Norveġiżi l-ewwel li skorjaw mill-attakkant ta’ Rapid Vienna fl-Awstrija, Jan Age Fjortoft skorja gowl kontroversjali u li seta’ kien offside li iżda r-referee Malti Edgar Azzopardi ikkonvalida. Dan il-gowl ma naqqas xejn mill-moral tal-plejers u tmien minuti wara stajna skorajna l-gowl tad-draw kieku ma kienx attent il-gowlkiper ta’ Tottenham Thorstvedt. Għaxar minuti wara iżda għall-Maltin skorja Charlie Scerri.

Is-Sibt 8 ta’ Frar 1992
Malta vs Norveġja 0-0
Sentejn wara dan id-draw, Malta u n-Norveġja reġgħu ltaqgħu kontra xulxin f’edizzjoni oħra tar-Rothmans Turnament. Din id-darba iżda mhux f’partita uffiċjali peress li t-tim Norveġiż kien dak Olimpiku u kompost minn plejers tat-tim nazzjonali ta’ taħt il-21 sena.

It-tim nazzjonali din id-darba kien taħt it-tmexxija ta’ Pippo Psaila u b’uċuħ ġodda, fosthom Silvio Vella ta’ Rabat u Richard Buhagiar ta’ Floriana.

Il-logħba spiċċat 0-0 fejn it-tim Malti lagħab l-aħħar nofs siegħa b’superjorità numerika wara li tkeċċa plejer avversarju. Madankollu ma konniex kapaċi nieħdu vantaġġ minn din is-sitwazzjoni.

14 ta’ Diċembru 1994
Malta vs Norveġja 0-1
Din kienet l-ewwel partita kompetittiva minn Grupp 5 għall-kwalifikazzjoni tal-Kampjonat Ewropew tal-1996.
Kienet it-tielet partita tal-grupp għall-Maltin wara telfa 6-1 kontra r-Repubblika Ċeka u draw storiku u prestiġjuż mingħajr gowls f’darna kontra l-istess Ċeki. Wara disa’ snin, id-difensur ta’ Hibernians Michael Woods kien qed jirritorna man-nazzjonal.

Sa minn qabel din il-partita, il-kowċ Pietro Ghedin kien għamilha ċara li ried partita b’markatura raġel ma’ raġel, konxju mill-qawwa tal-avversarji bi plejers bħal Bjornebye ta’ Liverpool, Flo ta’ Sheffield United, Fjortoft ta’ Swindon Town u oħrajn. In-Norveġja, dak iż-żmien immexxija mill-kowċ Egil Olsen, kienu ġejjin mit-Tazza tad-Dinja fl-Istati Uniti u kien għadhom kemm rebħu 5-0 kontra l-Belarus.

Hawnhekk spikka l-mibki David Cluett b’numru ta’ saves eċċellenti li żammew lill-Maltin fil-partita.

7 ta’ Ġunju 1995
Norveġja vs Malta 2-0
Il-partita ta’ ritorn intlagħbet f’Oslo, sitt xhur wara. Din id-darba ħames plejers mit-12 li lagħbu fil-partita preċedenti ma kienux fit-tim, minħabba injuries jew deċiżjonijiet tattiċi tal-kowċ Ghedin. Friski mid-draw ta’ 1-1 fil-Belarus, għal kontra n-Norveġja t-tim nazzjonali kellu żewġ debuttanti mal-ewwel ħdax; id-difensur ta’ Hibernians Lawrence Attard u l-attakkant ta’ Valletta Gilbert Agius.

Is-solitu Fjortfort ikkonkluda fix-xibka bil-plejers Maltin jipprotestaw għal fawl fuq Woods.

Fit-tieni taqsima x-xita ma waqfitx u tliet minuti mit-tmiem, Flo b’xutt minn barra l-kaxxa għeleb lil Cluett wara taħwida quddiem il-gowlkiper Malti.

Ir-rebħa fissret kwalifikazzjoni matematika għan-Norverġja għall-fażi finali tal-Kampjonat Ewropew fl-Ingilterra fl-1996.

9 ta’ Frar 2005
Malta vs Norveġja 0-3
Kważi għaxar snin wara, Malta u n-Norveġja reġgħu ltaqgħu f’partita ta’ ħbiberija. Kienet il-ħames ħjara tan-Norveġja f’pajjiżna.

Fit-tmexxija teknika tat-tim reġa’ kien hemm il-Ġermaniż Horst Heese. F’għaxar snin it-tim kien mibdul, b’uċuħ ġodda għajr għal tnejn li kienu preżenti f’Oslo fl-1995; Gilbert Agius u l-captain David Carabott li kien se jilgħab l-aħħar partita tiegħu ma’ Malta, il-123 logħba mat-tim nazzjonali.

F’logħba fejn iddebutta Jamie Pace, Malta tilfet 0-3, bl-ewwel gowl jasal fit-72 minuta minn Sigurd Rusfeldt.

Fl-aħħar disa’ minuti waslu żewġ gowls oħra minn Rusfeldt u John Arne Riise ta’ Liverpool li skorja l-isbaħ gowl tal-partita b’first-timer minn barra l-kaxxa li ma ta ebda ċans lill-gowlkiper sostitut Saviour Darmanin.

2 ta’ Ġunju 2007
Norveġja vs Malta 4-0
Kien imiiss logħba minn Grupp Ċ għall-fażi ta’ kwalifikazzjoni tal-Kampjonat Ewropew 2008.

Issa t-tim Malti kien immexxi miċ-Ċek, Dusan Fitzel u l-partita ntlagħbet f’Oslo. Kienet logħba li tebbgħat il-futbol Malti. Qabel il-logħba t-tim Malti kellu total impressjonanti ta’ erba’ punti b’rebħa storika kontra l-Ungerija f’Ta’ Qali. In-Norveġja iżda riedu bilfors rebħa biex jibqgħu jittamaw f’kwalifikazzjoni għall-fażi finali. Kienet il-100 logħba tal-captain Gilbert Agius.

Il-prestazzjoni tal-Maltin kienet deskritta bħala waħda qalbiena madankollu gowl wara nofs siegħa minn Kristopher Haestad, ħasad lill-Maltin.

Fit-tieni taqsima n-Norveġja għafsu għal aktar gowls u skorjawhom minn Thorstein Helstad , Steffen Iversen u John Arne Riise għaqqad poker għal 4-0. Imma l-istorja ma waqfitx f’Oslo bi plejers tan-nazzjonal aktar tard akkużati b’korruzzjoni. Każ li llum hu kompletament magħluq.

21 ta’ Novembru 2007
Malta vs Norveġja 1-4
Ħames xhur wara, kien hemm il-partita ta’ ritorn f’Ta’ Qali. It-tim Malti kien mingħajr il-captain Gilbert Agius li kien imweġġa’ u Brian Said kien sospiż. In-Norveġja riedu rebħa bilfors għalkemm anke din ma kinitx biżżejjed għall-kwalifikazzjoni tagħhom.

Huma skorjaw permezz ta’ daqqa ta’ ras ta’ Steffen Iversen u l-istess plejer reġa’ għeleb lil Haber minn penalty.
Qabel il-mistrieħ Iversen skorja t-tielet gowl personali.

Seba’ minuti fit-tieni taqsima, Mifsud naqqas l-iskor u wara li Udo Nwoko laqat il-lasta it-tim nazzjonali spiċċa jilgħab b’għaxra għat-tkeċċija ta’ Schembri, deskritta bħala inġusta.

Finalment Pedersen bir-ras għeleb lil Haber għar-raba’ gowl.