L-IRAQ: Hekk kif qed tikber il-pressjoni għall-użu ta’ truppi kontra l-militanti Iżlamiċi fl-Iraq u s-Sirja, sar magħruf li f’dawn l-aħħar ġranet l-Istati Uniti għamlet użu minn ħelikopters tat-tip Apache kontra l-ISIS fl-Iraq.
Skont l-awtoritajiet militari Amerikani, ħelikopters tat-tip Apache AH-64, intużaw flimkien ma’ ajruplani militari f’erba’ attakki kontra l-ISIS fl-inħawi ta’ Fallujah. Dawn il-ħelikopters kienu ntbagħtu l-Iraq f’Lulju biex jgħinu fil-protezzjoni tal-Ambaxxata Amerikana u l-ajruport ta’ Bagdad.
Sadattant fis-Sirja, il-qofol tal-ġlied qed iseħħ f’Kobane, il-belt Kurda li tinsab qrib il-fruntiera Torka u li din il-ġimgħa ntqal li spiċċat f’idejn l-ISIS. Għat-tieni ġurnata konsekuttiva, qagħdiet tal-ISIS kienu attakkati mill-ajru hekk kif f’partijiet tal-belt għad hemm ġellieda Kurdi li qed jirreżistu.
Staffan de Mistura, ir-rappreżentant tan-Nazzjonijiet Uniti għas-Sirja, qed iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali biex tintervjeni minnufih u b’determinazzjoni biex ikun evitat li Kobane tispiċċa f’idejn l-ISIS. Hu qal li jekk Kobane tispiċċa f’idejn l-ISIS, din tkun traġedja kbira u se jkun hemm massakru. Nies li qed jaħarbu minn Kobane qed jirrakkontaw stejjer tal-waħx tal-atti mwettqa mill-militanti Iżlamiċi, speċjalment fil-konfront tan-nisa u t-tfal.
Il-President Tork Tayyip Erdogan indika li forsi t-Turkija kienet se tintervjeni mill-art fis-Sirja. Dan hekk kif fil-pajjiż qed ikun hemm protesti vjolenti mill-Kurdi. Protesti biex iħeġġu lill-Gvern jintervjeni b’determinazzjoni.
//= $special ?>