Ma nstab l-ebda “gun shots residue” fuq tliet balaklavi li sar eżami forensiku fuqhom, la fuq barra u lanqas fuq ġewwa, filwaqt li fuq żewġ “bioler suits” ir-residwi li nstabu fuqhom u li kienu ta’ Joseph Polidano u Carmelo Spiteri kien wieħed minimu u li dawn x’aktarx ġew peress li huma messew il-ferita li ġarrbu meta ntlaqtu bl-isparar. Polidano u Spiteri kienu marru 10 snin ħabs fuq il-“hold-up” li kien falla fuq il-Mid Med Bank ftit aktar minn 18-il sena ilu.
“Jista’ jkun li spara xi ħadd minnhom, imma din it-teżi hija waħda minima, għaliex il-probabbilita’ hija li dawn messew il-ferita meta ntlaqtu u r-residwi ġew minn dan il-fatt. Fuq id-demm li sar analiżi fuqu dan kien ta’ Polidano u li tir wieħed kien sparat minn senter”.
Dan ħareġ mix-xhieda ta’ Anthony Abela Medici li dak iż-żmien kien Direttur tal-Laboratorju Forensiku. Huwa kien qed jixhed fil-konfront ta’ George Xuereb ta’ 49 sena mill-Marsa, li nhar it-Tnejn li għadda beda għaddej ġuri quddiem l-Imħallef Michael Mallia mixli li f’Marzu ta’ 18-il sena ilu ipprova joqtol żewġ membri tal-Korp tal-Pulizija wara “hold-up” li kien sar minn tliet irġiel fuq il-fergħa tal-Mid-Med Bank, illum HSBC ta’ St. Andrews.
Xuereb qed jiġi akkużat b’ħames Kapi ta’ akkuża bl-aktar gravi huma dawk tal-attentat ta’ qtil u attentat ta’ serq bi vjolenza mill-istess bank. Akkużi oħra huma dik ta’ serq ta’ vann u pistola, liema pistola kienet bla liċenzja tal-Kummissarju tal-Pulizija.
Dr. Abela Medici qal li hu kellu diversi nkarigi fosthom li jikkordina b’mod forensika x-xena tar-reat u kien ordnat biex jikkompara rapport ta’ Dr.Mario Scerri fuq il-“bioler suits” li kienu nstabu fuq ix-xena tar-reat. Qal li kien mqabbad ukoll biex isib esperta barranija, fejn din kienet bagħtitlu rapport li hu għadda lill-Qorti.
Qal li huwa kien ikkonkluda x-xogħol tiegħu f’April tal-1998…Kellu x’jaqsam anke mal-analiżi tal-“gun shot residues.” Kien hemm diversi postijiet eżaminati. Qal li teżisti possibbilita’ raġonevoli li wieħed mis-senters ma kienx ġie sparat u ma nstabux residwi mal-balaklava juri li ma kienux sparati tiri.
Waħda mill-bioler suites ta’ Polidano kienet intlaqtet minn balla f’saqajh ix-xellugija, u kien hemm sejba ta’ partiċelli tal-residwi fil-komma tal-lemin tiegħu, li jistgħu jindikaw li spara, pero l-ammonti ta’ partiċelli kienu żgħar, u għalhekk l-akbar possibilita kienet li x’aktarx Polidano kien mess il-parti fejn intlaqat. Qal li anke Carmelo Spiteri kien intlaqat f’saqajh.
Ix-xhud qal li ma hemm ebda evidenza li Carmelo Spiteri li spara. Dwar l-marki ta’ tiri sparati fejn il-Mid Med Bank, qal li dawn kienu sparati minn revolvers tal-Pulizija.
Waqt il-kontro-eżami minn naħa tad-difiża Dr. Abela Medici qal li sa metru jimmarka minn fejn wieħed jispara, ir-residwi għandhom ikunu preżenti fuq min ikun fil-post.
Xehed ukoll Christopher Farrugia, espert forensiku li kien mgħejjun mill-ispiżjar Mario Mifsud. Huwa qal li huwa eżamina d-demm, kampjuni tax-xahar, balaklavi u żewġ “bioler suits” li nstabu fil-vann li ntuża fil-“hold-up”. Qal li nstab d-DNA ta’ tliet persuni differenti fuq il-baraklavi u “boiler suits”.
Li hu żgur li d-DNA minnhom kien ta’ Joseph Polidano. Is-sessjoni ta’ filgħodu kienet meħuda kollha minn diversi uffiċjali li kellhom x’jaqsmu max-xena tar-reat. Hawn il-ġurati ntwerew numru ta’ kbir ta’ ritratti li għandhom x’jaqsamu mal-każ. Għal George Xuereb qed jidher l-Avukat Raphael Fenech Adami filwaqt li l-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Lara Lanfranco u Kevin Valletta. Il-ġuri jkompli l-Ħamis filgħodu.
//= $special ?>