Lokali

Il-Gvern għadu ma ħabbarx uffiċjalment l-operatur il-ġdid tat-trasport pubbliku, imma Autobuses de Leon diġà fetħet uffiċċju f’Malta

Minkejja li l-Gvern għadu ma ħabbarx uffiċjalment li l-operatur il-ġdid tat-trasport pubbliku se tkun il-kumpanija Spanjola Autobuses de Leon, din il-kumpanija diġà fetħet uffiċċju f’Malta u qed topera minnu. L-uffiċċju jinsab f’Aragon House f’Paceville. Il-kwistjoni tal-għażla tal-operatur il-ġdid tat-trasport pubbliku qed tqanqal kontroversja minħabba li l-Gvern qed jiġi kkritikat għax il-Ministru tat-Trasport Joe Mizzi tela’ Spanja għal dikussjonijiet mal-kumpanija Spanjola.

Għal-laqgħat ma’ Autobuses de Leon, Joe Mizzi kien akkumpanjat miċ-Chairman ta’ Transport Malta James Piscopo. Fil-proċess tal-offerti għall-għażla tal-operatur il-ġdid tat-trasport pubbliku kien hemm żewġ operaturi oħra li tefgħu l-offerti tagħhom. Dawn il-kumpaniji, li kienu Maltin, kienu Island Buses Malta u Gozo First.

Id-diskussjonijiet, li Mizzi qal li kienu tekniċi mal-kumpanija Spanjola fi Spanja stess, ġabu wkoll kritika minn wieħed mimm Island Buses, li kkonfermat li qatt ma kellha diskussjonjiet mal-Ministeru tat-Trasport jew ma’ Transport Malta. Il-kumpanija kkonfermat ukoll li ma kinitx informata li l-Gvern kien għażel kumpanija biex jibda diskussjonijiet magħha.

Hu mistenni li l-operatur il-ġdid tat-trasport pubbliku jitħabbar sa Jannar għalkemm għadu mhux magħruf kemm se jkunu n-nollijiet il-ġodda, kif ukoll l-ammont ta’ sussidju li l-Gvern se jkun qed iħallas għall-operat tat-trasport pubbliku.