Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Josette Demicoli, laqgħet talba tal-Prosekuzzjonoi biex il-każ tal-Olandiż Johan Stellingwerf, ta’ 33 sena mixli li f’perjodu ta’ xahrejn stupra lill-eks sieħba tiegħu ta’ nazzjonalità Maltija u li kien jagħmel atti sado-mażokisti kontra l-volontà tagħha, ikompli jinstema’ bil-magħluq. S’issa nstemgħu diversi seduti dwar il-każ u l-għada li ġurnal lokali ppubblika storja dwaru, l-Ispettur Yvonne Farrugia staqsiet għaliex f’daqqa waħda qed ikun hemm ħafna interess mill-media. Hi għamlet talba biex il-każ ikompli jinstema’ bil-magħluq u tenniet li każijiet bħal dawn dejjem ma jkunux miftuħin għall-media.
L-Ispettur Farrugia, f’isem il-Prosekuzzjoni, qalet ukoll li kienet se tiċċekja legalment dwar dan kollu, filwaqt li t-talba formali biex il-każ jinstema bil-magħluq saret kmieni llum waranofsinhar u kienet milqugħa mill-Qorti. Il-Prosekuzzjoni, li qed titmexxa wkoll mill-Ispettur Ian Abdilla, qalet li dan il-każ jista’ jkun wieħed offensiv għall-pubbliku inġenerali. Min-naħa tagħha, l-Avukat Gianella de Marco, li qed tidher f’isem il-vittma, qalet li bi żvista l-każ kien wieħed pubbliku u għalhekk saret talba min-naħa tagħha wkoll biex il-każ ikompli jinstema’ bil-magħluq.
Johan Stellingwerf qed isostni li dak li sar bejnu u l-eks sieħba tiegħu kien wieħed konsenswali u li l-allegata vittma kienet tibgħatlu ritratti intimi u provokattivi. Hu ddeskriva l-erba’ xhur ta’ relazzjoni mat-tfajla Maltija bħala perjodu romantiku. Min-naħa tagħha, it-tfajla Maltija mhux biss qed tallega li kienet ġiet stuprata diversi drabi fuq perjodu ta’ xahrejn fl-2012, iżda wkoll iffrodata is-somma ta’ €27,000.
Fuq il-każ tal-frodi fil-konfront tat-tfajla Maltija, il-Qorti ta’ Amsterdam kienet illiberat lil Stellingwerf u qalet li ma kellu jagħti xejn lit-tfajla, anzi hi l-Maltija li għandha tagħtih €6,000. Skont il-media Olandiża, Stellingwerf kien intlemaħ fil-Polonja u allegatament kien javviċina nisa u juża’ isem falz.
//= $special ?>