IL-VATIKAN: L-ewwel jiem ta’ diskussjonijiet fil-laqgħa dinjija tal-isqfijiet Kattoliċi ffukaw parzjalment fuq kif għandu jinbidel “il-lingwaġġ iebes” li jintuża mill-Knisja meta tiġi biex tiddiskuti l-ħajja fil-familja u kif għandha taċċetta s-sitwazzjoni li n-nies għandhom jikbru fil-fidi bil-mod.
Skont osservaturi fil-Vatikan, li qed janalizzaw id-diskussjonijiet fis-sinodu, waħda mit-temi li ppredominat f’70 diskors magħmulin minn prelati f’dawn l-aħħar jiem, hi kif il-mexxejja tal-Knejjes jittimbraw lin-nies b’ċertu diskors li mhux “neċessarjament diskors li jistieden lill-poplu Nisrani biex iqarreb lilu nnifsu lejn il-Knisja”.
Hu u jindirizza lill-ġurnalisti, Thomas Rosica, kelliem dwar is-sinodu tal-isqfijiet, qal li wieħed jew aktar membri fis-sinodu speċifikament irreferew għal tliet termini li jintużaw regolarment mill-Knisja: dawn huma, li wieħed “jgħix fid-dnub”, b’referenza għal koppji li jgħixu flimkien qabel iż-żwieġ; “intrinsikament diżordinat”, b’referenza għal persuni omosesswali; u “mentalità kontraċettiva”, b’referenza għal dak li ngħad minn xi isqfijiet meta ġew biex jitkellmu dwar soċjetà li ma tirrispettax il-ħajja”.
“Li wieħed jittimbra lin-nies…ma jgħinx biex tressaq lin-nies lejn il-Knisja,” qal Rosica u żied li “hemm xewqa kbira biex il-lingwaġġ jinbidel radikalment sabiex jilħaq is-sitwazzjonijiet diffiċli fis-soċjetà tal-lum”.
Bħalma sar f’sinodi tal-passat, il-Vatikan mhux qed jippubblika kitbiet jew sommarji ta’ wħud mill-190 diskors tal-isqfijiet, iżda minflok, ta’ kuljum, qed jipprovdi tagħrif minn tliet kelliema li qed jattendu s-sinodu u li qed ifissru l-avvenimenti fil-qosor. Il-kelliema huma Federico Lombardi, li hu Ġiżwita; Manuel Dorantes, mill-Arċidjoċesi ta’ Chicago; u Thomas Rosica nnifsu.
Flimkien ma’ dawn il-kelliema, ingħaqdu wkoll żewġ membri oħra li qed jattendu s-sinodu: il-Kardinal Ingliż Vincent Nichols u l-Kardinal Bechara al-Rahi, il-Patrijarka Maronita ta’ Antijokja.
Meta rrefera għad-diskors li għamel il-Papa Franġisku nhar it-Tnejn, li fih il-Kap tal-Knisja Kattolika talab lill-prelati biex “jitkellmu b’kuraġġ u jisimgħu b’umiltà”, il-Kardinal Nichols qal li “dan id-diskors qed jingħad lilna, biex inkunu paċenzjużi u naraw ir-realtà tiżviluppa quddiemna bil-mod”.
//= $special ?>