Internazzjonali

Il-WHO twissi li l-marda fl-Ewropa hi inevitabbli

L-EBOLA: L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) qalet li hi lesta li tipprovdi appoġġ lil Spanja hekk kif l-awtoritajiet fil-pajjiż stinkaw biex jikkontrollaw l-ewwel każ tal-marda tal-Ebola fl-Ewropa.

Zsuzsanna Jakab, id-direttur Ewropew tal-WHO qalet li din il-marda fl-Ewropa hi inevitabbli u sostniet li tali każi se jkunu qed jiġru fil-futur minħabba l-ivvjaġġar estensiv mill-Ewropa lejn il-pajjiżi milquta u viċi versa.

Hi żiedet li l-aktar ħaġa importanti hi li fil-fehma tal-WHO, l-Ewropa għadha f’riskju baxx, u li l-pajjiżi fil-Punent tal-Ewropa huma l-aktar imħejjija fid-dinja biex jirrispondu għas-sintomi ta’ din il-marda qerrieda.

Fir-Renju Unit, il-Prim Ministru Ingliż David Cameron mexxa laqgħa ta’ emerġenza u saret diskussjoni dwar it-tixrid tal-marda tal-Ebola fil-Punent tal-Afrika, għalkemm il-Gvern Ingliż saħaq li din il-laqgħa kienet ġiet skedata għal ftit taż-żmien.

Bi tħejjija għal din il-laqgħa, il-Prim Ministru Cameron ikkuntattja lill-President ta’ Sierra Leone, Ernest Bai Koroma, sabiex jara x’tip ta’ għajnuna oħra għandu bżonn.

Il-WHO tirrakkomanda li jsiru testijiet fuq persuni li jkunu morda b’xi marda mhux spjegata meta jiġu biex iħallu pajjiżi milquta bl-Ebola. Testijiet fuq nies li jkunu se jidħlu f’portijiet u f’ajruporti Ingliżi mhux qed ikunu rakkomandati mill-WHO, għalkemm ikun irid isir screening fuq kull persuna li tidħol fil-pajjiż, għax ikun hemm min jivvjaġġa minn pajjiż ieħor qabel ma jasal fid-destinazzjoni tiegħu.

Sadattant, professjonisti tas-saħħa f’Madrid taw il-ħtija lil apparat inferjuri kif ukoll lil nuqqas biex ikun segwit protokoll għall-ewwel każ ta’ Ebola fl-Ewropa. Dan wara li infermiera Spanjola ġiet infettatat bil-marda meta kienet qed tikkura pazjent fl-isptar Carlos III li twassal marid bl-Ebola minn Sierra Leone. L-infermiera ġiet ittestjata darbtejn u r-r-riżultat kien pożittiv.

Ir-raġel tal-infermiera wkoll inżamm l-isptar f’kamra iżolata, u infermiera oħra mill-istess tim mediku li kkura lil żewġ saċerdoti li mbagħad mietu, ukoll inżammet għall-osservazzjoni. Raġel li żar Spanja min-Niġerja wkoll inżamm fi kwarantina f’Madrid iżda l-ewwel test li sarlu rriżulta fin-negattiv.

L-awtoritajiet tas-saħħa qalu li qed jimmonitorjaw aktar minn 50 kuntatt possibbli li saru mal-infermiera.
Ħaddiema fl-isptar fejn kienet taħdem l-infermiera qalu lill-ġurnal El Pasi li l-ilbies protettiv li ngħataw ma kienx adattat skont il-kriterji tal-WHO, li jispeċifikaw li l-ilbies għandu jkollu apparat tal-ventilazzjoni. L-istess ħaddiema wkoll irrimarkaw li l-ingwanti tal-latex bl-użu tat-tejp huma eżempju ta’ kemm l-ilbies ma kienx adattat għal sitwazzjonijiet bħal dawn.

Barra minn hekk, skola fi Stockport fir-Renju Unit ikkanċellat iż-żjara ta’ ħaddiema li taħdem ma’ għaqda tal-karità, u binha wara li numru ta’ ġenituri mħassba beżgħu li wliedhom jistgħu jkunu infettati bl-Ebola. Miriam Mason-Sesay, li għexet fi Sierra Leone mis-sena 2000, qalet li binha kien qed ikun trattat bħala persuna mniġġsa bil-pesta, u żiedet li d-deċiżjoni tal-iskola aġevolat lill-ġenituri “injoranti”.