Mingħajr ma’ nbiddlu u nxejnu l-vanġelu tal-familja, irridu nifhmu li l-familja llum hi anki dik tar-raġel u l-mara divorzjati u li qed jgħixu fit-tieni relazzjoni u dik li fiha wlied b’orjentazzjoni omosesswali.
Kien dan parti mid-diskors tal-Isqof t’Għawdex Mario Grech waqt is-sitt laqgħa tal-Assemblea Ġenerali Straordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet, li qed isir fil-Vatikan. Id-diskors ta’ Mario Grech inqara wkoll fil-preżenza tal-Papa Franġisku.
Fl-indirizz tiegħu, l-Isqof Mario Grech qal li l-Knisja għandha tkun taf tajjeb lill-familji tagħha bil-għan li tkun tista’ twassal il-vanġelu b’mod konkret.
Irrefera wkoll għal-lingwaġġ tal-Knisja, li fi kliem l-Isqof Grech għandu jkun lingwaġġ ta’ Knisja li hi omm ħanina u fl-istess ħin tabib. Qal li ħass dan il-bżonn fil-Knisja wara li sema’ lill-familji ta’ persuni b’orjentazzjoni omosesswali, li jħossuhom miġruħa bil-lingwaġġ użat għalihom f’xi kitbiet, inkluż fil-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika – u minħabba f’hekk qed ibatu biex iżommu ħajja l-fidi tagħhom fi Kristu.
Il-lingwaġġ iebes tal-Knisja kien trattat b’mod estensiv f’dan is-Sinodu, b’diversi Isqfijiet u kelliema jitkellmu dwar il-mod kif il-mexxeja tal-Knisja xi drabi jittimbraw lin-nies b’ċertu diskors li mhux neċessarjament huwa diskors li jistieden lill-poplu Nisrani biex iqarreb lilu nnifsu lejn il-Knisja.
//= $special ?>