Edukazzjoni Lokali Unjoni Ewropea

Kittieb Għawdxi jirbaħ il-Premju tal-UE għal-Letteratura

Il-kittieb Għawdxi Pierre J Mejlak, l-awtur tal-ktieb “Dak li l-Lejl Iħallik Tgħid”, kien wieħed mir-rebbieħa tal-Premju tal-Unjoni Ewropea għal-Letteratura. Il-ktieb, ippubblikat minn Merlin Publishers, jinkludi 10 novelli li jlaqqgħu lill-qarrej ma’ narraturi li qed jippruvaw jifhmu l-vjaġġ tal-ħajja tagħhom matul is-snin.

Pierre Mejlak kiteb għadd ta’ kotba li jvarjaw minn dawk għat-tfal għal novelli għall-addoloxxenti u żewg ġabriet ta’ stejjer qosra li wassluh biex jirbaħ għadd ta’ premijiet. Hu kien ukoll jaħdem fil-qasam tal-gurnaliżmu bħala korrispondent mal-istazzjon BBC u għal xi żmien kien ukoll artikolista fil-ġurnal In-Nazzjon.

Pierre Mejlak kien wieħed mit-13 ir-rebbieħa tal-Premju tal-UE għal-Letteratura li tħabbru waqt il-Fiera tal-Ktieb fi Frankfurt. Dan il-premju hu l-uniku unur internazzjonali li jirrikonoxxi l-aqwa talent fl-Ewropa fil-kitba fittizja. Il-premju hu miftuħ għall-pajjiżi li qed jipparteċipaw fi Creative Europe, li hu programm ta’ finanzjament tal-UE għas-setturi kulturali u kreattivi.

Kull rebbieħ ingħata €5,000 u anke l-opportunità ta’ promozzjoni internazzjonali. Ir-rebbieħa qed jiġu nkoraġġuti jagħmlu tradizzjonijiet tal-kotba tagħhom f’lingwi oħrajn biex jilħqu swieq ġodda. Din hi t-tieni darba li awtur Malti rebaħ dan l-unur. Fl-2011, l-awtur Immanuel Mifsud rebaħ dan il-premju bil-ktieb “Fl-Isem tal-Missier (u tal-Iben)” ippubblikat mill-Klabb Kotba Maltin.

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista feraħ lil Pierre Mejlak għar-rebħ ta’ dan il-Premju. Il-PN qal li hu ta’ sodisfazzjon li kittieb Malti, għat-tieni darba, rebaħ dan l-ogħla unur fl-UE. Il-PN qal li din l-aħbar hi konferma oħra ta’ kemm il-poplu Malti għandu talent kbir, tant li kapaċi jkun l-aħjar fost ċittadini oħrajn Ewropej.

Sadanittant, il-Gvern ukoll feraħ lil Pierre Mejlak. Fl-istqarrija, il-Gvern fakkar ukoll li waħda min-novelli tiegħu, intitolata “Nixtieq ngħajjat lil Samirah”, diġà rebħet premju letterarju prestiġġjuż.

Min-naħa tiegħu, filwaqt li feraħ lill-kittieb Għawdxi għal dan il-Premju, il-Partit Laburista qal li dan l-unur mhux biss jgħolli isem pajjiżna ‘l fuq, iżda jkompli wkoll jikkonferma kemm minkejja ċ-cokon tiegħu, il-poplu Malti u Għawdxi għandu talent.