Ħaddiema mal-fabbrika tan-Nylon Knitting infurmaw lil dan is-sit li l-Erbgħa filgħodu ġew infurmati li meta jiġi fi tmiemu l-kuntratt tax-xogħol tal-ħaddiema f’diversi dipartimenti, dawn mhux se jiġu mġedda.
Il-ħaddiema li tkellmu ma’ dan is-sit qalulna wkoll li kien hemm madwar 40 persuna, fl-aħħar xhur, li telqet minn mal-fabbrika jew li ma kelliex il-kuntratt mġedded, bil-fabbrika ma ddaħħal l-ebda ħaddiema oħra biex jieħdu post dawk li telqu jew ma kellhomx il-kuntratt imġedded.
Il-ħaddiema innutaw ukoll li fl-aħħar xhur kien hemm dipartimenti li naqsu l-magni tal-produzzjoni bin-nofs.
Il-ħaddiema sostnew li dan qed iwassal għal nkwiet kbir għalihom u l-familji tagħhom hekk kif joħloq inċertezza kbira fuq il-futur tal-impjieg tagħhom u tal-fabbrika f’Malta.
Dan is-sit għamel kuntatt mad-Dipartiment tar-Riżorsi Umani ta’ Nylon Knitting iżda qalulna li l-fabbrika m’għandix kummenti x’tagħmel.
Tkellimna wkoll mar-rappreżentant tal-General Workers Union, Pawlu Bugeja li talabna nibgħatulu email bil-mistoqsijiet tagħna.
Staqsejnih jikkonferma l-informazzjoni li bagħtulna l-ħaddiema. U x’qed tagħmel il-GWU biex tħares l-interessi tal-ħaddiema u tissalvagwardja l-impjieg tagħhom. Iżda anke l-General Workers Union jidher li m’għandix kummenti x’tagħmel hekk kif Pawlu Bugeja ma bagħat l-ebda risposta sal-ħin stipulat minn dan l-istazzjon.
//= $special ?>