IN-NAZZJONIJIET UNITI: Hekk kif fuq l-internet tpoġġa filmat ta’ militanti Iżlamiċi jiċelebraw fit-toroq ta’ Derna fil-Libja wara li kien iddikjarat klalifat (stat jew imperu Iżlamiku), ir-rappreżentant tan-Nazzjonijiet Uniti għal-Libja wissa li l-militanti Iżlamiċi tal-ISIS diġà kienu preżenti fil-Libja.
Bernardino Leon wissa wkoll li dawn kienu qed jistennew iż-żmien adattat biex juru snienhom bil-qawwa kollha.
Leon, il-Kap tal-UNSMIL, il-missjoni tan-NU fil-Libja, qal li jekk ma jibdiex minnufih djalogu politiku dwar il-ġejjieni tal-Libja, il-pajjiż kien se jkun bieb miftuħ għall-ISIS. Sforz reċenti min-Nazzjonijiet Unitui għal soluzzjoni politika fil-Libja sfaxxa wara li l-gruppi militanti Iżlamiċi fil-pajjiż injoraw l-isforzi li saru.
Bernardino wissa li Libjani li marru jiġġieldu mal-militanti Iżlamiċi fis-Sirja u l-Iraq issa kienu rritornaw lejn pajjiżhom u kienu qed japprofittaw mill-kaos preżenti fil-Libja biex jissaħħu u jorganizzaw ruħhom.
Bernardino f’intervista mal-ġurnal Taljan La Repubblica semma lil Derna bħala post fejn il-ġellieda tal-ISIS huma b’saħħithom. Dan qabel ma ħareġ il-video li juri ġellieda jiċċelebraw fit-toroq ta’ Derna u jxejru l-bandiera sewda tal-grupp militanti Iżlamiku.
Dawn kienu indentifikati minn xi wħud bħala membri tal-grupp militanti Iżlamiku, l-Ansar al-Shariah, li l-Ħadd iddikjara kalifat Iżlamiku f’Derna u ħabbar li issa kien sar alleat tal-ISIS.
L-Ansar al-Shariah hu meqjus bħala r-responsabbli tal-qtil tal-Ambaxxatur Amerikan Christopher Stevens f’Bengażi fl-2012.
Ir-rappreżentant tan-NU ammetta li s-soluzzjoni għas-sitwazzjoni Libjana ma kinitx faċli għaliex fil-pajjiż kien hemm mijiet ta’ gruppi armati jaġixxu għal rashom.
Hu qal li jekk hemm bżonn in-Nazzjonijiet Uniti kienet lesta titlob għal sanzjonijiet kontra dawk li kisru d-drittijiet tal-bniedem u wettqu reati tal-gwerra, u dan kien jinkludi li jkunu ffriżati l-assi li għandhom madwar id-dinja kif ukoll li jkun ipprojbit li jivvjaġġaw barra mil-Libja.
Bernardino insista li ma kienx hemm soluzzjoni militari għal-Libja lanqas kieku kellhom jintervjenu pajjiżi barranin.
//= $special ?>