Lokali

Il-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra jitlob lill-Ministru Mizzi u lill-GHRC jispjegaw fiex wasal il-bini l-ġdid tal-Parlament

L-Iskrivan tal-Kamra tad-Deputati kiteb lill-Ministru Joe Mizzi, kif ukoll liċ-Chairman tal-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, il-GHRC, Stefan Zrinzo Azzopardi, biex jinfurmahom li fil-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra li se jiltaqqa’ nhar it-Tnejn li ġej, tingħata spjegazzjoni dwar f’liema stadju wasal ix-xogħol fuq il-binja l-ġdida tal-Parlament, kif ukoll biex jitwieġbu mistoqsijiet mill-membri tal-Kumitat.

L-ittri mill-Iskrivan tal-Kamra ntbagħtu b’riżultat ta’ dak li kien diskuss u li dwaru ntlaħaq qbil fil-Kumitat tax-Xogħol tal-Kamra l-ġimgħa li għaddiet, fil-jum li fih il-Ministru Mizzi informa b’ittra lill-Ispeaker, li l-bini tal-Parlament il-ġdid fid-Daħla tal-Belt mhux se jkun lest saż-żmien stipulat u saż-żmien li ntrabat miegħu l-Gvern.

L-Oppożizzjoni kienet insistiet fil-laqgħa tal-Kumitat tax-Xogħol tal-Kamra l-ġimgħa li għaddiet, li l-Gvern kellu jagħti spjegazzjoni għaliex ma ntlaħqux il-miri stabbiliti mill-Gvern dwar il-ftuħ tal-Parlament il-ġdid dakinhar stess, kif kien wiegħed ukoll li se jagħmel l-istess Ministru Joe Mizzi fl-ittra li kien bagħat lill-Ispeaker meta infurmah li l-Parlament ma jistax jibda jiltaqa’ fil-bini l-ġdid.

Minkejja li l-istess Ministru kien intrabat li se jkun qiegħed jagħti spjegazzjoni, ħadd ma tfaċċa u ħadd ma kien dispost biex jagħti l-ispjegazzjoni mwiegħda mill-Ministru Mizzi lill-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra.

S’issa, il-Gvern għadu ma lissen ebda kelma u ebda spjegazzjoni ma ngħatat, minkejja l-assigurazzjonijiet li kienu ngħataw li x-xogħlijiet jinsabu fi stadju avvanzat, u li l-Gvern se jilħaq mal-miri li stabbilixxa.