Ekonomija Lokali

FILMAT: Pajjiżna ma jistax jinjora t-twissijiet fl-ekonomija – Simon Busuttil

Aġġornata b’filmat

Aktar kmieni

13:28: F’temp ta’ tliet snin, pajjiżna ra l-attraenza tal-investiment barrani dirett f’Malta tonqos minn 91% għal 79%. Dan joħroġ minn stħarriġ li sar mill-kumpanija EY u li d-dettalji tiegħu ġew diskussi waqt konferenza nazzjonali li saret illum. L-istħarriġ wera wkoll li numru ta’ dawk mistoqsija rrispondew li ma jafux u ma jistgħux jgħidu jekk il-pajjiż hux attraenti jew le.

Matul il-konferenza, li tat ħarsa lejn l-investiment barrani dirett fl-aħħar 50 sena b’ħarsa lejn il-futur, għamel l-intervent tiegħu l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, li appella lill-Gvern biex jagħti kas tat-twissijiet tal-istħarriġ u jaġixxi qabel ikun tard wisq. Fost it-twissijiet, semma’ ż-żieda sinifikanti fil-ħaddiema mal-Gvern u qal li din is-soluzzjoni biex titgħatta problema fil-pajjiż hi biss waħda temporanja, filwaqt li hemm bżonn pjan fit-tul.

Simon Busuttil appella wkoll lill-Gvern biex jgħin u jħeġġeġ aktar lill-intrapriżi biex jinvestu milli jkun involut direttament u jiddetta dak li għandu jsir. Kompla li fl-aħħar 50 sena pajjiżna żviluppa grazzi għat-tisħiħ tal-infrastruttura u l-edukazzjoni. Fakkar kif 50 sena ilu, ħafna ddubitaw li pajjiżna kien kapaċi jkampa waħdu, ladarba jieħu l-Indipendenza. Madankollu, illum pajjiżna jispikka f’setturi bħall-ICT u l-igaming.

Sadanittant, matul il-konferenza nazzjonali ta’ EY, l-eks kelliem u Direttur tal-Komunikazzjoni u l-Istrateġija tal-eks Prim Ministru Ingliż Tony Blair, Alistair Campbell, appella lill-Gvern biex iħares ‘il quddiem u jwettaq bidla li tħalli l-frott għas-snin li ġejjin u mhux biss għall-preżent.

Alistair Campbell tkellem ukoll dwar il-problema tal-immigrazzjoni irregolari għal pajjiżna. Qal li din il-problema ma tistax tibqa’ problema tal-Gvern Malti biss iżda waħda Ewropea. Campbell temm jgħid li Malta għandha potenzjal qawwi, iżda qal li jrid isir iżjed biex dan il-potenzjal ikun sfruttat u pajjiżna jsir iktar magħruf lil hinn minn xtutna.