IR-RENJU UNIT: L-ewwel allegat kumplott terroristiku mill-ISIS fuq art Ingliża ġie sfrattat mill-pulizija u mill-aġenzija sigrieta MI5. Dan wara biża’ kbir li l-militanti qed jirritornaw mis-Sirja biex iwettqu attakki mdemmija f’toroq Ingliżi.
Erbat irġiel kienu arrestati f’offensivi armati u drammatiċi li seħħew f’Londra u li f’rejd minnhom wieħed mis-suspettati kellu jkun ikkontrollat mill-pulizija permezz tat-taser.
Hu maħsub li l-irġiel kienu fi stadji bikrija ta’ pjan biex jitwettaq attakk “sinifikanti” u hu mifhum li linja partikulari fl-investigazzjonijiet hi jekk kinux se jagħmlu xi tip ta’ qtil brutali li sar l-istil uniku tal-ISIS f’xi triq Ingliża.
Il-pulizija u aġenziji sigrieti saru aktar imħassba li l-grupp terroristiku, li diġà qata’ l-irjus ta’ erba’ ostaġġi Ewropej, qed jinkoraġġixxi attakki simili biex isiru fi mkejjen oħrajn.
Il-biża’ kompliet jikber wara li r-Renju Unit ingħaqad fl-azzjonijiet militari mill-ajru kontra t-terroristi.
Il-pulizija fl-Awstralja, f’Settembru, arrestat 15-il persuna suspettati li huma estremisti tal-ISIS fost biża’ kbir li dawn kienu qed jippjanaw qtil bl-addoċċ, bħal qtugħ ir-ras ta’ persuna fil-pubbliku.
Matul l-istess xahar, fanatiċi Alġerini assoċjati mal-ISIS qatgħu ras l-ostaġġ Franċiż Herve Gourdel, b’ritaljazzjoni għal azzjonijiet militari Franċiżi li saru fl-Iraq.
F’Awwissu l-livell ta’ theddid terroristiku fir-Renju Unit għola għal wieħed “serju ħafna”, hekk kif il-Prim Ministru David Cameron avża li l-ISIS kienu qed jippjanaw attakki fl-Ingilterra.
Il-ġurnal The Daily Telegraph għandu informazzjoni li wieħed mill-irġiel arrestati rritorna mis-Sirja u kellu rabtiet mal-ISIS – possibbilment bħala ġellied fil-pajjiż fil-Lvant Nofsani.
//= $special ?>