Ryan Schembri, negozjant Malti ta’ 36 sena li joqgħod il-Mellieħa, bħalissa qiegħed ikun imfittex mill-Pulizija Maltija u mill-Interpol b’konnessjoni ma’ frodi li globalment tammonta għal aktar minn €40 miljun.
Din il-frodi – mifruxa ma’ għadd ġmielu ta’ negozjanti oħra Maltin – wasslet biex anke dawn jibdew tfittxija għalih biex jieħdu dak li hu tagħhom.
Il-każ issa spiċċa quddiem il-Pulizija Maltija li permezz tat-Taqsima ta’ Kontra l-Frodi bdiet investigazzjoni intensiva biex filwaqt li jinġabru aktar dettalji dwar din il-frodi mifruxa, ikun stabbilit ukoll fejn jinsab l-istess Ryan Schembri.
In-Nazzjon ilu jsegwi dan il-każ għal dawn l-aħħar jiem, wara li negozjanti migduma ġew fl-uffiċċji tagħna u qasmu magħna l-esperjenza qarsa tagħhom li silfu flejjes kbar lil Ryan Schembri u mbagħad, ħabta u sabta, mhux talli ma ħadux flushom lura jew inkella l-imgħaxijiet jew il-profitti mwiegħda, talli skoprew li Ryan Schembri x’aktarx li ħarab minn Malta flimkien mal-familja tiegħu.
Il-kumpanija Cassar & Schembri (Marketing) Ltd f’Tal-Ħandaq (Ritratt: Martin Agius)
Minn hawn, il-ġurnal In-Nazzjon beda jinvestiga dan il-każ delikat ta’ frodi ta’ €40 miljun u lbieraħ iltaqa’ b’mod separat ma’ numru ta’ negozjanti Maltin jew nies viċin tagħhom li b’xi mod ingidmu b’dan il-każ.
Fost l-oħrajn, iltqajna ma’ individwu partikulari li kien viċin ħafna ta’ Ryan Schembri u li miegħu ħadem għal żmien relattivament twil, imma llum spiċċa b’ta’ fuqu senduqu għaliex “ħabibu”, Ryan Schembri, żburżjah.
Morna wkoll infittxu lil Ryan Schembri fil-fabbrika Cassar & Schembri (Marketing) Ltd li tinsab f’Tal-Ħandaq.
Hemmhekk tkellimna ma’ diversi persuni li qalu li ilhom ma jaraw lil Ryan għal dawn l-aħħar ġimgħat. “Filli konna narawh hawnhekk kważi kuljum, u filli qata’ ħesrem,” qalilna raġel li ta’ kuljum ikun f’post qrib din il-fabbrika, li fiha jinħażnu prodotti tal-laħam.
[quote]Misteru fejn jinsab – telaq minn Malta bejn l-20 u l-21 ta’ Settembru[/quote]Raġel ieħor qal lil In-Nazzjon li dak li jista’ jgħid hu li mhux biss Ryan Schembri ilu ma jidher ’l hemmhekk, iżda ta’ spiss qed imorru xi persuni jistaqsu għalih. “Jiġu hawnhekk jistaqsu jekk ilniex ma narawh u fejn jistgħu jsibuh.”
Wara li tkellimna ma’ bosta negozjanti oħra migduma u rrabjati, morna nfittxu lil Ryan Schembri anke fir-residenza tiegħu, fl-inħawi ta’ Santa Marija Estate fil-Mellieħa.
Morna d-dar tiegħu f’ħinijiet differenti u ċempilna l-qanpiena ripetutament, imma ma kellna l-ebda tweġiba. Stajna ninnutaw li l-kaxxa tal-ittra tar-residenza fiha ammont konsiderevoli ta’ oġġetti postali. Stajna ninnutaw ukoll li fil-bitħa tal-istess residenza, għalkemm kullimkien magħluq, kien hemm diversi affarijiet tal-logħob ta’ iben il-koppja Schembri.
Il-villa f’Santa Marija Estate, fil-Mellieħa, proprjetà tal-familja Schembri (Ritratti: Martin Agius)
In-Nazzjon tkellem ukoll ma’ ġirien tal-familja Schembri, iżda t-tweġiba kienet li ilhom ftit ma jarawhom.
Sorsi qrib ħafna ta’ Ryan Schembri, li rabtuna b’kunfidenzjalità totali anki minħabba ċerti perikli li jeżistu fix-xenarju kif qed jiżviluppa dan il-każ kbir, fissrulna li n-negozju ta’ Ryan Schembri beda jikber madwar seba’ snin ilu meta fetaħ Supermarket f’Palm City, fi Tripli, il-Libja.
Minn hemmhekk beda negozju ta’ “cross border trading” u beda jixtri kunsinni ta’ prodotti minn pajjiż A u jbigħhom f’pajjiż B.
Fost l-oħrajn, daħal fl-industrija tax-xiri u l-bejgħ tal-laħam, prinċipalment mingħand żewġ kumpaniji kbar fil-Brażil. Mingħandhom beda jixtri kunsinni kbar ta’ laħam u jbigħhom lil kumpaniji terzi bi profitt tajjeb ħafna għalih.
“Sebħa” – ir-residenza ta’ Ryan Schembri fil-Mellieħa
Ryan Schembri, il-fundatur tal-kumpanija Cassar & Schembri (Marketing) Limited u ta’ kumpaniji oħrajn imwaqqfin minnu flimkien ma’ terzi, baqa’ jikber fin-negozju u jifrex l-operat tiegħu, fosthom bit-twaqqif ta’ aktar kumpaniji.
Filwaqt li beda jispeċjalizza u jkabbar l-għarfien tiegħu fl-industrija tax-xiri u l-bejgħ tal-laħam minn pajjiż għall-ieħor, beda jiffrekwenta wkoll fieri internazzjonali kbar li jispeċjalizzaw fis-suq tan-negozju tal-laħam.
Fost l-oħrajn, matul is-snin kien jattendi fiera speċjalizzata kbira tal-laħam li ssir kull sentejn fi Franza u oħra li talterna magħha, li ssir fil-Ġermanja.
Minn stand ta’ daqs modest, matul is-snin kabbar l-istand tiegħu f’dawn il-fieri u beda jieħu miegħu negozjanti Maltin li beda jħajjarhom jinvestu miegħu f’dan in-negozju.
Is-sorsi li tkellmu ma’ dan il-ġurnal spjegaw li dak li beda jiġri bil-mod il-mod kien li Ryan Schembri beda jħajjarhom joħorġu flejjes kbar biex ikun jista’ jixtri ammonti ferm akbar ta’ kunsinni ta’ laħam biex imbagħad, meta jbigħhom lil terzi, il-qligħ finanzjarju jkun ferm akbar, u għalhekk il-profitti li jaqsam magħhom ikunu mill-aktar vantaġġjużi.
Bosta minn dawn in-negozjanti Maltin, li ġew murija wkoll dokumenti u korrispondenza li Ryan Schembri kellu ma’ kumpaniji u ma’ nies barranin, belgħu l-lixka tiegħu u tawh ammonti kbar ta’ flus bil-patt li kull xahar jew kull meta miftiehem magħhom, jagħtihom profitti fuq is-self li jammontaw għal bejn għaxra u tnax fil-mija.
Is-sorsi li tkellmu magħna spjegaw li s’April li għadda l-andament ta’ dan kollu kien miexi ħarir, u kif imwiegħed minn Ryan Schembri li dejjem assigura lill-ħafna negozjanti li kienu qed jafdawh bi flushom, li l-flus tagħhom kienu qed jiġu mħaddma mhux biss legalment f’negozju ta’ xiri u bejgħ internazzjonali ta’ laħam, iżda wkoll li dan in-negozju kien qed iħalli qligħ tajjeb.
Il-profitti kienu jitħallsu bi flus kontanti jew b’ċekkijiet filwaqt li s-somma tal-investiment kienet koperta b’ċekkijiet f’isem il-kumpanija Cassar & Schembri (Marketing) Limited.
Il-kaxxa tal-ittri li turi li l-oġġetti postali ilhom ma jinġabru
Nifhmu, iżda, li filwaqt li l-profitti għal xi żmien tħallsu dejjem, f’April ta’ din is-sena dawn twaqqfu ħesrem bl-iskuża li Ryan Schembri kellu diffikultajiet mal-awtoritajiet Kroati u allura ma setax iġib il-profitti Malta biex ikun jista’ jħallas lill-investituri.
Mill-investigazzjonijiet li għamel dan il-ġurnal, jirriżulta li Ryan Schembri f’dak iż-żmien ma kienx Malta, minħabba li għal bejn wieħed u ieħor tliet ġimgħat kien imsiefer. Matul dak il-perjodu l-investituri bdew jitħassbu u għalkemm kien hemm xi kuntatti ma’ Ryan Schembri, dawn l-istess investituri – in vista tal-flejjes kbar li kienu għaddewlu– bdiet togħkorhom għajnhom li xi ħaġa setgħet bdiet sejra ħażin u huma jmorru minn taħt.
Madankollu, jirriżulta li minn barra Ryan Schembri kien kontinwament iserraħ ras in-negozjanti li kien jirnexxilhom jaqbduh u jgħidilhom li hu kien se jirritorna Malta fi ftit taż-żmien.
Minn aktar investigazzjonijiet li għamel dan il-ġurnal, irriżulta li meta mbagħad ġie lura Malta, Ryan Schembri kien iltaqa’ ma’ dawk li kienu tawh u qed jagħtuh il-flus u filwaqt li kkonferma magħhom li kien qed jiltaqa’ ma’ xi diffikultajiet, qalilhom ukoll li, iżda, kollox kien se jiġi solvut, u fil-ġimgħat ta’ wara kien se jerġa’ jibda jgħaddilhom il-profitti dovuti lilhom.
Minn dakinhar sal-lum, Ryan Schembri siefer kemm-il darba għal tul ta’ ftit jiem. Kull darba li kien ikun se jsiefer kien jinforma lill-investituri u lin-negozjanti li kienu fdawh bi flushom. Waqt li kien ikun imsiefer, kien jagħmel ukoll kuntatt magħhom biex iserrħilhom rashom dwar flushom.
Dan kollu sakemm faqqgħet is-sajjetta. Għaliex fil-lejl ta’ bejn l-20 u l-21 ta’ Settembru li għadda, hu allegatament telaq minn Malta, milli jidher għalkollox, flimkien mal-familja tiegħu.
Sorsi li tkellmu magħna qalu li filwaqt li qabel hu dejjem siefer bl-ajru, din id-darba ħalla Malta permezz tal-katamaran. Biex telaq minn Malta, x’aktarx li uża karozza tat-tip Mercedes Benz M Class.
Jirriżulta wkoll li dakinhar, qabel ħalla Malta, informa lil xi ftit investituri u qalilhom li kien se jitbiegħed mill-gżejjer Maltin għal xi erbat ijiem jew ħamsa biss, u kellu jirritorna Malta.
Madankollu, Ryan Schembri ma ġiex lura Malta u n-negozjanti kollha migduma bdew kaċċa għalih, fosthom permezz tat-telefown. Iżda ma kellhom l-ebda eżitu pożittiv, tant li ma kellhomx triq oħra ħlief li jirrikorru għand il-Pulizija biex jirrappurtaw dan il-każ kbir ta’ frodi ħalli jinfetħu investigazzjonijiet immedjati.
Nifhmu li l-Pulizija Maltija qed tieħu dan il-każ bl-akbar serjetà u talbet ukoll lill-Pulizija tal-Interpol biex tgħin fit-tfittxija għal Ryan Schembri.
Il-post fejn sa ftit ilu kien hemm it-tabella, issa maqlugħa, fl-imħażen ta’ Ryan Schembri f’Ħal Qormi
//= $special ?>