Lokali

Aġġornata 3: “Ryan Schembri faqqarni… ħallini b’ta’ fuqi senduqi” – negozjant migdum mill-allegat frodist

AĠĠORNATA (3)

F’intervista li se tkun ippubblikata fil-ġurnal IN-NAZZJON t’għada u li għadha kif saret ftit tal-ħin ilu, negozjant qrib ħafna ta’ Ryan Schembri stqarr li Ryan Schembri mhux biss ħallieħ b’ta’ fuqu senduqu minħabba li fdah u sellfu u investa miegħu eluf kbar ta’ ewro.

“Jum wieħed qomt u sibt li ma kelli xejn, għaliex anke’ dari kont ipotekajt mal-bank biex issellift flus ħalli nkun nista’ ninvestihom fin-negozju li kien qiegħed jagħmel Ryan Schembri. Dejjem fdajtu b’għajnejja magħluqa. Kont ili naħdem miegħu ħafna snin. F’daqqa waħda dejjem skoprejt li kien ingannani u ħallieni għeri,” qal emozzjonat dan l-investitur.

Hu kompla li fl-aħħar ġimgħat iltaqa’ ma’ numru ta’ persuni li bħalu, għalkemm mhux daqsu, ġew migduma minn Ryan Schembri, fosthom impjegati li wkoll jinsabu ħażin ħafna.

Aktar kmieni…

14:30: Fi żvilupp ieħor ftit tal-ħin ieħor dwar il-każ tal-allegat frodi ta’ 40 miljun minn Ryan Schembri li allegatament ħarab minn Malta fil-lejl ta’ bejn l-20 u l-21 ta’ Settembru li għadda, Keith Schembri, magħruf bħala Keith ‘tal-Kasco’, u li huwa ċ-‘Chief of Staff’ tal-Uffiċju tal-Prim Ministru, f’dikjarazzjoni li hu ta lil Malta Today u lit-Times of Malta, iddiżassoċja ruħu u qal li qatt m’ għamel negozju ma’ Ryan Schembri.

Keith Schembri huwa kuġin ma’ Ryan Schembri, li hu mfittex mill-Pulizija u minn għadd kbir ta’ negozjanti għal dan l-allegat frodi li tinvolvi miljuni ta’ ewro.

Sadanittant matul il-ġurnata tal-lum, il-Pulizija ta’ kontra l-frodi kompliet titkellem ma’ aktar negozjanti migduma biex jagħtu aktar tagħrif f’din l-investigazzjoni wiegħsa.

Muscat Kasco

 

11:44: Fis-sigħat li għaddew kompla jiżviluppa l-każ tal-allegat ħarba minn Malta minn Ryan Schembri, il-persuna mfittxija mil-Pulizija Maltija u minn għadd konsiderevoli ta’ investituri Maltin li fix-xhur li għaddew fdawlu flushom biex kienu investiti f’xiri bi profitti konsiderevoli ta’ laħam.

Fl-uffiċċji ta’ MaltaRightNow mhux biss qed jidħlulna għadd ta’ telefonati b’aktar informazzjoni, fosthom minn persuni migduma, imma anki b’informazzjoni oħra relatata mal-istess Ryan Schembri li issa qed jirriżulta li apparti milli gidem investituri u negozjanti Maltin, gidem ukoll investituri barranin.

Fil-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Media.Link Communications dalgħodu ġew ukoll persuni li qasmu magħna l-esperjenza tagħhom, fosthom kif kienu mwiegħda li se jieħdu l-profitti tagħhom f’qasir żmiem, imbagħad, ħabta u sabta skoprew li Ryan Schembri kien allegatament ħarab minn Malta mal-familja permezz ta’ catamaran tal-Virtu Ferries fil-lejl ta’ bejn l-20 u l-21 ta’ Settembru li għadda.

Agħfas hawn għar-rapport sħiħ dwar dan il-każ ta’ frodi li kien żvelat minn MaltaRightNow.