Wara l-prestazzjoni meqjusa bħala “diżastruża” li tat fil-Parlament Ewropew, il-Kummissarju Ewropew nominat f’isem is-Slovenja Alenka Bratusek irriżenjat min-nomina. Wara jum ta’ laqgħat, il-President-nominat tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker ħabbar li aċċetta r-riżenja.
Fis-sigħat li għaddew, kelliem għal Juncker ħa siegħa u nofs mill-konferenza tal-aħbarijiet li ssir kuljum fil-Kummissjoni biex jenfasizza li l-lista tal-Kummissarji Ewropej nominati mhix se tinbidel. Madankollu, hu mifhum li Bratusek għażlet li tirriżenja wara l-pressjoni politika li saritilha u biex tevita li tiġi diżapprovata fil-vot tal-Parlament Ewropew.
Fil-jiem li għaddew, il-membri fil-Kumitati għall-Industrija u l-Ambjent ivvutaw bi ħġarhom kontra Bratusek, l-eks Prim Ministru tas-Slovenja li qed tkun investigata f’pajjiżha dwar kunflitt ta’ interess għax kienet ħatret lilha nnifisha bħala Kummissarju Ewropew fil-perjodu li kienet għadha Kap tal-Gvern.
Il-ħsieb ta’ Juncker kien li Bratusek issir waħda mis-seba Kummissarji ewlenin ta’ Juncker, fejn kellha tkun responsabbli mill-Unjoni tal-Enerġija, li għadha fi stadju ta’ żvilupp.
//= $special ?>