Qorti

Il-moħħ wara l-hold-up fuq il-fergħa tal-Mid-Med f’St Andrews jgħid qatt ma ltaqa’ bl-akkużat qabel

Carmelo Spiteri, magħruf bħala “il-Biżabellu” mill-Fgura u li kien ikkundannat 10 snin ħabs fuq il-hold-up li kien sar 18-il sena ilu fil-fergħa tal-Mid-Med Bank f’St Andews, qal li hu kien il-moħħ wara l-każ. Tenna li dawk li daħlu fil-Bank biex iwettqu l-hold-up kienu hu, Amadeo Brincat, illum mejjet, u Joseph Polidano magħruf bħala “Żeppi l-Għarbi”. Dwar l-akkużat, qal li sar jafu biss wara l-każ u li lanqas qatt ma ltaqa’ miegħu qabel. Spiteri, li kien l-ewwel xhud tal-lum fir-raba’ jum tal-ġuri ta’ George Xuereb, ta’ 49 sena mill-Marsa, saħaq li t-tiri li ġew sparati kienu tal-Pulizija.

George Xuereb għaddej ġuri quddiem l-Imħallef Michael Mallia, mixli li f’Marzu 1996 ipprova joqtol żewġ membri tal-Korp tal-Pulizija wara hold-up li kien sar minn tlett irġiel fil-fergħa tal-Mid-Med Bank. Qed jiġi akkużat b’ħames Kapi ta’ Akkuża, bl-aktar gravi huma dawk tal-attentat ta’ qtil u attentat ta’ serq mill-Bank bi vjolenza.

Mistoqsi għal darba darbtejn mill-Prosekuzzjoni jekk kienux tlieta biss li wettqu l-hold-up, Spiteri wieġeb li iva u sostna li kieku l-hold-up ma marx żmerċ, il-flus kienu jinqasmu bejn tlieta. Qal li ġurnata qabel jew fl-istess jum, hu u Amadeo Brincat kienu marru f’dar abbandunata f’Ħal Qormi. Hemm kien hemm waħda li jisimha Carmen u kienu poġġew għandha xi oġġetti bħal snieter, revolver, barnużi u boiler suits. Qal li hu kien staqsa lil Brincat fuq din Carmen u dan qallu biex ma joqgħodx jinkwieta.

Ix-xhud qal li din id-domanda lil Brincat kien staqsihielu diversi drabi u Brincat dejjem qallu li ma kellux għalfejn jinkwieta. Dwar il-pjan tas-serqa, madwat tliet ġimgħat qabel kien iltaqa’ ma’ Polidano u Brincat f’Garden Road f’Ħaż-Żabbar. Hemm Brincat kien mar b’karozza misruqa uhu mar bil-mixi għax joqgħod viċin. Meta marru biex iwettqu l-hold-up, kienu marru ‘Ħal Qormi għall-affarijiet u hu kien poġġihom f’baskett tal-plastik.

Spjega li meta waslu St Andrews kienu telqu l-karozza misruq fejn kellhom il-vann ipparkjat u li kien ħa ħsiebu Brincat. Jiftakar li poġġew il-karozza fejn kien hemm xi remissi. Qal li kienu daħlu tlieta fil-Bank u jiftakar li Amadeo kien ta daqqa ta’ manku lill-Pulizija li kien għassa mal-bieb u ħadulu l-pistola. Qal li ma jiftakarx x’kien għamel bil-pistola, x’aktarx qal li ħalliha fil-bank għax jiftakar li daħal il-bank bla armi u ħareġ bla armi.

Spiteri kompla jgħid li fil-Bank damu biss ftit minuti, fejn hu kien tela’ jiġri fis-sular ta’ fuq mit-taraġ tal-Bank minħabba li kien hemm min tela’, iżda kienu għalqu l-bieb. Qal li Polidano kien ta ordni u qal, “Pulizija, Pulizija … iċċirkondati”. Qal li jiftakar li meta ħarġu mill-Bank kien ra lil Polidano mal-art milqut minn tir u hu kien għenu. Min-naħa tiegħu, Brincat ħareġ jiġri ‘l barra u daħlu kollha fil-vann. Dwar jekk hu kienx intlaqat minn xi tir, qal li fuq dan m’hemmx provi u anke l-esperti kienu qalu li x’aktarx kien intlaqat.

Ix-xhud kompla jgħid li meta ħarbu bil-vann kien saq Amadeo Brincat u Polidano dak il-ħin kien mimli dmija qisu qed imut. Meta niżlu Paceville, lil Polidano ħallewh bilqiegħda u huma rikbu f’karozza tat-tip Daewoo u telqu biha. Qal li lil Polidano ma setgħux jieħduh magħhom għax kienu jafu li kienu qed isegwuhom il-Pulizija u li huma ma setgħux jieħdu l-Isptar għax jinkriminaw ruħhom. Qal li huma telqu lejn Ħal Qormi u ħallew l-armi mat-triq. Qal li qagħad għal xahar sħiħ fid-dar mitluqa ta’ Ħal Qormi u baqa’ hemm biex jaħbi l-evidenza. Tenna li Amadeo Brincat kien imur Ħal Qormi kuljum u li x’aktarx kien is-sieħeb ta’ din Carmen.

Spiteri qal ukoll li jiftakar li wara xi ġimgħa li kienu ilu hemm, Brincat kien ġablu video player, televixin u mobile, filwaqt li qallu biex x’ħin tispiċċa l-linja tal-mobile jarmih. Qal li meta kienu marru l-Pulizija u sabuh hemm, dawn ħadu l-mobile u l-affarijiet li kien hemm. Meta ħadu t-televixin u l-video u tellgħu lil Amadeo Brincat il-Qorti, hu ma riedx jixhed għax qal li kien se jinkrimina ruħu. F’dak ix-xahar li kien għamel fil-post ta’ Ħal Qormi kien mar ukoll jumejn jorqod f’garaxx f’Wied Blandun fil-Fgura. Kien isuspettta li Amadeo Brincat kellu bżonn il-post għal xi jumejn u għalhekk kien ħadu fil-garaxx.

Mistoqsi jekk meta ħarbu mill-post laqtux xi karozza oħra qal li ma jiftakarx, anke jekk tant għamlu affarijiet li jista’ jkun li ġara xi inċident ta’ dan it-tip. Qal li meta nġabar mill-Pulizija u ttieħed fil-Kwartieri Ġenerali, ma kellu l-ebda inkwiet.

Wara, xehed ukoll l-Espert tal-Qorti Mario Scerri, li kien inħatar mill-Maġistrat Inkwerenti biex jeżamina lil Carmelo Spiteri. Qal li Spiteri ma riedx li jittieħidlu x-ray għax beda jgħid li dawn mhumiex siguri.

Għal George Xuereb qed jidher l-Avukat Raphael Fenech Adami, filwaqt li l-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Avukati Lara Lanfranco u Kevin Valletta.