Qorti

Il-Qorti tirrikonoxxi żball minn bejjiegħ tal-ħut li esperimenta bid-droga

Bejjiegħ tal-ħut, ta’ 30 sena mill-Fgura u li ma kienx midħla tad-droga, żbalja f’mument f’ħajtu u ddeċieda li jesperimenta mid-droga. Dan qalitu l-Qorti wara li kkwotat ukoll ir-rapport tal-Uffiċjal tal-Probation, li qal li ż-żagħżugħ għandu ħajja stabbli u li dejjem fittex li jaħdem u jimxi ‘l quddiem f’ħajtu. Il-Qorti qalet li ż-żagħżugħ għamel dan għax kien għaddej minn perjodu diffiċli tant li kien imur jixrob wara x-xogħol għax kien għaddej minn stress meta spiċċa minn relazzjoni.

Kien fil-post fejn kien imur jixrob li ltaqa’ ma’ xi ħadd li pperswadieh jipprova l-eroina. Il-bejjiegħ, Roderick Bezzina, kien instab ħati ta’ pusses ta’ eroina iżda mhux li kellu d-droga mhux għall-użu personali tiegħu. Il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras qalet li l-kondotta ta’ Bezzina, li llum jinsab ukoll f’relazzjoni stabbli ma’ tfajla, mhix waħda allarmanti u għalhekk kien immultat €500 dwar il-pussess sempliċi tad-droga. Il-Qorti qalet li dan il-każ żgur ma kienx jimmerita piena ta’ priġunerija.

Il-każ imur lura għall-4 ta’ Ġunju 2002 meta Bezzina kien twaqqaf mill-Pulizija ħdejn il-fergħa tal-HSBC fil-Fgura. Fuqu nstabu tliet boroż żgħar tal-plastik, li kien fihom trab kannella, bl-Espert tal-Qorti Mario Mifsud jidentifikaha bħala eroina. Il-piż totali tal-eroina kienet ta’ 2.96g b’purità ta’ 39.1%. Fl-interrogazzjoni, Bezzina kien ammetta li d-droga kienet tiegħu u li kien xtraha l-Ħadd ta’ qabel għall-prezz ta’ Lm75 mingħand wieħed li, għalkemm ipprovda d-deskrizzjoni tiegħu, ma kienx jaf x’jismu. Qal li qatt ma kien ħa d-droga qabel, ħlief li meta kellu 19-il sena kien pejjep joint tal-ħaxixa.

Għal Bezzina dehru l-Avukati Veronique Dalli u Dean Hili.