Mingħajr ma’ nbiddlu u nxejnu l-Vanġelu tal-Familja, irridu nifhmu li l-familja llum hi anke dik tar-raġel u l-mara divorzjati li qed jgħixu fit-tieni relazzjoni u dik li fiha wlied b’orjentazzjoni omosesswali. Kien dan parti mid-diskors tal-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech waqt is-sitt laqgħa tal-Assemblea Ġenerali Straordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet, fil-Vatikan.
Fl-indirizz tiegħu, fil-preżenza wkoll tal-Papa Franġisku, l-Isqof Grech qal li l-Knisja għandha tkun taf tajjeb lill-familji tagħha bil-għan li tkun tista’ twassal il-Vanġelu b’mod konkret. Irrefera wkoll għal-lingwaġġ tal-Knisja, li fi kliem l-Isqof Grech għandu jkun lingwaġġ ta’ Knisja li hi omm ħanina u fl-istess ħin tabib.
Mario Grech qal li ħass dan il-bżonn fil-Knisja wara li sema’ lill-familji ta’ persuni b’orjentazzjoni omosesswali, li jħossuhom miġruħa bil-lingwaġġ użat għalihom f’xi kitbiet, inkluż fil-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika. Minħabba f’hekk qed ibatu biex iżommu ħajja l-fidi tagħhom fi Kristu.
Il-lingwaġġ iebes tal-Knisja kien trattat b’mod estensiv f’dan is-Sinodu, b’diversi Isqfijiet u kelliema jitkellmu dwar il-mod kif il-mexxejja tal-Knisja xi drabi jittimbraw lin-nies b’ċertu diskors li mhux neċessarjament hu diskors li jistieden lill-poplu Nisrani biex iqarreb lilu nnifsu lejn il-Knisja.
//= $special ?>