Kunsilli Lokali Lokali

Is-Sindku Indipendenti tal-Furjana joħroġ stqarrija li ma tirriflettix il-pożizzjoni tal-Kunsill

Il-pożizzjoni li ħa s-Sindku Indipendenti tal-Furjana Nigel Holland tat l-impressjoni li hi opinjoni tal-Kunsill Lokali kollu, għalkemm fil-fatt ma kinitx tirrifletti l-pożizzjoni tal-maġġoranza tal-Kunsilliera Nazzjonalisti u Laburisti tal-lokal. Fl-istqarrija, dwar l-istruttura “Prospettiva”, li tpoġġiet fil-Foss ta’ San Ġakbu bħala preparazzjoni għall-2018 meta Malta se tospita l-Belt Kulturali Ewropea, Nigel Holland qal li din l-istruttura saret b’sempliċi notifika lill-MEPA u li ma saritx b’konsultazzjoni mal-Kunsill.

L-ewwel ċaħda għall-pożizzjoni tas-Sinku Indipendenti ħarġet mill-Kumitat V18, li kkonferma li l-istruttura rrispettat il-proċeduri kollha tal-MEPA u tas-Sovvrantendenza tal-Wirt Kultura, kif ukoll ta’ Transport Malta. Il-pożizzjoni ta’ Holland u l-mod kif opera kienet ikkritikata wkoll mill-maġġoranza tal- Kunsilliera l-oħrajn tal-lokal.

Fi stqarrija ffirmata mis-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill, intqal li t-Tnejn li għadda l-maġġoranza tal-Kunsill kienet diġà ma qablitx mal-kontenut tal-istqarrija ta’ Holland. Għaldaqstant, il-Kunsill tal-Furjana ha deċiżjoni li l-istqarrija ma toħroġx. Madankollu, Holland xorta ħa deċiżjoni waħdu li joħroġ l-istqarrija u għamilha f’ismu u fuq letterhead tal-Kunsill.

L-istqarrija tat l-impressjoni li dik kienet il-pożizzjoni tal-Kunsill Lokali meta ma kienx il-każ. Il-Kunsilliera tal-Furjana qalu li huma mhumiex kontra l-libertà tal-espressjoni tal-Kunsilliera, iżda Nigel Holland għamel użu mit-titlu ta’ Sindku meta ħareġ l-istqarrija personali tiegħu. Il-Kunsilliera Furjaniżi sostnew li matul il-legizlatura kien hemm okkażjonijiet fejn Kunsilliera tal-Furjana esprimew opinjoni tagħhom, iżda qatt ma sar użu minn riżorsi tal-Kunsill Lokali.

Min-naħa tiegħu, fi tweġiba Nigel Holland ammetta li l-istqarrija ħariġha f’ismu personali u stqarr li fl-ebda ħin ma qal li kien hemm xi illegalità fil-process biex saret l-istruttura. Hu nsista li meta l-Kumitat V18 joħlom li jagħmel xi proġett fil-Furjana, dan għandu jikkonsulta mal-Kunsill.