Lokali

L-Ispeaker Farrugia jitkellem dwar it-trasparenza u l-governabbilità

L-Ispeaker Anġlu Farrugia, li lbieraħ kompla jieħu sehem fis-60 Konferenza tal-Commonwealth Parliamentary Association f’Yaoundè, fil-Cameroon, tkellem dwar dak li qed isir fil-Parlament Malti biex ikun hemm aktar trasparenza u governabbilità tal-istess governanza tal-pajjiż.

Fl-intervent tiegħu fil-workshop li ddiskuta s-sehem tat-trasparenza u l-kontabbilità fit-tmexxija, semma t-tisħiħ tal-isituzzjonijiet parlamentari, bħall-kumitat dwar il-komporatament etiku tal-parlamentari fejn il-parteċipazzjoni hija ugwali min-naħa tal-gruppi parlamentari, u l-istess Speaker li jkun qed jippresiedi jkollu, jekk ikun il-każ, il-casting vote u dan biex jiġi assigurat li l-ebda gvern, irrispettivament mill-maġġoranza li jkollu ma jkun jista‘ jinfluwenza l-operat tal-istess kumitat.

Huwa rrifera wkoll għall-fatt li f’Malta l-Awditur Ġenerali huwa uffiċjal tal-Parlament kuntrarjament għal dak li jsir f’diversi pajjiżi tal-Commonwealth fejn l-uffiċċju tal-Awditur Ġenerali la huwa entrenched fil-kostutizzjoni u lanqas jirrispondi għall-Parlament.

Semma wkoll l-importanza tat-tisħiħ tal-Public Accounts Committee partikolarment għall-fatt li dan jista’ jkun strument biex jara u jirrapporta possibbilment anke korruzzjoni fil-finanzi tal-pajjiż. Huwa staqsa għaliex f’ċerti pajjiżi fil-Commonwealth il-Kummissjoni dwar l-Investigazzjonijiet kontra l-Korruzzjoni mhix komposta minn persuni indipendenti minn kull influwenza tal-partit. Dan il-punt kien parti mir-risposta ta’ waħda mill-moderators tal-workshop, Amanda Fazio.

Anthony Agius Decelis, li flimkien ma’ Carmelo Abela u David Agius qegħdin ukoll jattendu l-Konferenza, fil-konklużjoni tal-workshop talab li tingħata kopja tal-preżentazzjonijiet tal-kelliema, talba li fil-fatt ġiet milqugħa u se jkunu online fuq il-website tas-CPA.

David Agius ħa sehem ukoll f’dan il-workshop.
Carmelo Abela, attenda l-workshop li ddiskuta l-Millennium Development Goals u s-Sustainable Development Goals fid-dawl tal-Commonwealth Charter u l-miri tal-Ġnus Magħquda.

L-Ispeaker Farrugia attenda wkoll u pparteċipa fil-workshop li ddiskuta l-materja tal-bżonn ta’ kodiċi ta’ etika għall-Membrti Parlamentari.