Futbol Sport

L-Olanda u t-Turkija jridu jwettqu reazzjoni

Fit-tieni jum ta’ partiti mir-rawnd ta’ kwalifikazzjoni għall-Euro 2016 l-Olanda u t-Turkija se jkunu qed jippruvaw iwettqu reazzjoni wara li fl-ewwel logħba mill-fażi tal-gruppi sofrew telfiet xejn mistennija.

L-Olanda tilfet 2-1 fl-aħħar minuta kontra r-Repubblika Ċeka filwaqt li t-Turkija kienet umiljata meta tilfet 3-0 kontra l-Iżlanda.

Illejla t-Turkija jilagħbu kontra r-Repubblika Ċeka filwaqt li l-Olanda tilgħab kontra l-Kazakhstan. Dawn iż-żewġ partiti se jkunu tnejn minn total ta’ disgħa li se jintlagħabu mir-rawnd ta’ kwalifikazzjoni għall-Euro 2016.

L-Olanda bdiet fuq sieq ħażina fi Grupp A meta tilfet kontra ċ-Ċeki u llejla t-tim immexxi minn Guus Hiddink jibda favorit li jieħu t-tliet punti f’Amsterdam. It-telfa kontra r-Repubblika Ċeka kienet waħda mhux mistennija, speċjalment wara l-wirjiet li kellu t-tim fit-Tazza tad-Dinja tal-Brażil. L-Olandiżi spiċċaw fit-tielet post imma donnu li l-plejers għadhom ma drawx is-sistema tal-kowċ li ħa post Van Gaal. L-Olanda kienu bdew b’telfa kontra l-Italja f’partita ta’ ħbiberija u issa jilagħbu kontra tim li fl-ewwel logħba kien spiċċa fi draw ta’ 0-0 kontra l-Latvja. Minkejja li l-Kazakhstan m’humiex favoriti li jgħaddu minn dan il-grupp, jekk jirrepetu l-wirja li kellhom kontra l-Latvja żgur li l-Olanda jkollhom biċċa xogħol diffiċli biex jieħdu l-punti massimi.

Il-kowċ Hiddink għandu l-iskwadra kollha għad-dispożizzjoni tiegħu u mistenni jibda bl-ewwel 11 li beda bihom kontra r-Repubblika Ċeka. Il-Kazakhstan se jkunu mingħajr id-difensur Heinrich Schmidtgal għandu injury fl-irkoppa. Ta min jinnota li din se tkun l-ewwel darba li dawn iż-żewġ timijiet se jkunu qed jilagħbu kontra xulxin.

Fil-logħba l-oħra mill-istess grupp it-Turkija jaffrontaw lir-Repubblika Ċeka. Żgur li ċ-Ċeki jiftakru x’kien ġara fil-Euro 2008 meta dakinhar it-Torok ċaħdu hom milli jikkwalifikaw għall-kwarti tal-finali. Dakinhar ir-Repubblika Ċeka kienu qed jirbħu 2-1 sa tliet minuti qabel tmiem il-partita fl-aħħar logħba mill-fażi tal-gruppi imma t-Turkija kienu ġabu d-draw u kienu huma li ikkwalifikaw minflokhom.
F’dak il-konfront kien hemm ħames plejers li llejla se jkunu jiffurmaw parti mit-timijiet rispettivi tagħhom. Wieħed minnhom hu l-gowlkiper tar-Repubblika Ċeka Petr Cech se jkun qed jirritorna bejn il-lasti mal-ewwel 11 hekk kif f’dawn l-aħħar xhur dan ma kienx qed ikun l-għażla numru 1 ta’ Chelsea.

Mill-2008 ‘l hawn it-Turkija u r-Repubblika Ċeka lagħbu żewġ partiti ta’ ħbiberija kontra xulxin fejn kisbu rebħa kull wieħed. L-aħħar waħda kienet dik tal-2013 meta Krejci u Lafata taw rebħa ta’ 2-0 lir-Repubblika ĊekaFilwaqt li fl-aħħar ħarġa t-Torok tilfu kontra l-Iżlanda, ir-Repubblika Ċeka se jkunu ġejjin minn rebħa kontra l-Olanda, rebħa li żgur se tgħollilhom il-moral. Ir-rebħa kontra l-Olanda kienet l-ewwel waħda fl-aħħar ħames konfronti tagħhom.

Għar-Repubblika Ċeka se jirritorna Tomas Necid li ġie imsejjaħ fl-iskwadra għall-ewwel darba sa mill-2012 filwaqt li Arda Turan u Mehmet Topal huma dubjużi.
It-tielet logħba ta’ llejla f’dan il-grupp se tkun dik bejn il-Latvja u l-Iżlanda.

L-ewwel impenn
Illejla l-Belġju jibdew l-impenji tagħhom bil-partita kontra l-Andorra. It-tim Belġjan ma kienx impenjat fl-ewwel ġurnata ta’ din il-fażi mir-rawnd ta’ kwalifikazzjoni filwaqt li l-Andorra, f’Settembru li għadda, bdew b’telfa ta’ 2-1 f’darhom kontra Wales.
Fuq il-karta se tkun ferm diffiċli għall-Andorra biex jieħdu t-tliet punti kontra tim li taħt it-tmexxija tal-kowċ Marc Wilmots kellu prestazzjonijiet ferm pożittivi fit-Tazza tad-Dinja. Il-Belġjani waslu sal-kwarti tal-finali u sfaw eliminati mill-Arġentina, it-tim li eventwalment spiċċa runner-up fl-edizzjoni.

Fil-fatt, il-Belġju jistgħu jitqiesu bħala l-akbar favoriti li jirbħu dan il-grupp. Ħarsa lejn l-istatistika turi li l-Andorra ilhom ma jirbħu 68 partita u fl-aħħar seba’ partiti dejjem ħarġu telliefa. Dan ikomplu juri kemm il-Belġjani m’għandomx ifallu fi Brussell.
Bejn il-lasti tal-Belġju mistenni jibda l-gowlkiper ta’ Chelsea Thibaut Courtois, anke jekk dan kellu injury f’rashu imma sieħbu Eden Hazard jista’ jitlef il-konfront minħabba injury. Kevin Mirallas ta’ Everton se jkun nieqes għall-Belġju minħabba injury fil-hamstring imma Toby Alderweireld se jilħaq jirkupra.

Fil-logħba l-oħra mill-istess grupp Wales se jkunu qed ifittxu t-tieni rebħa konsekuttiva meta jaffrontaw lill-Bożnija f’Cardiff. Filwaqt li Wales għelbu lill-Andorra, fl-aħħar ħarġa tagħhom il-Bożija se jkunu ġejjin minn telfa xejn mistennija kontra Ċipru.
Wales se jkollhom diversi plejers neqsin fosthom Aaron Ramsey, Joe Allen, James Collins, Paul Dummett u Lee Evans. Bla dubju l-akbar theddida għall-Bożnija se jkun il-winger Garteh Bale li għadu kemm ġie ivvutat bħala l-Aqwa Player ta’ Wales għar-raba’ sena konsekuttiva. Bale kien l-eroj kontra l-Andorra b’żewġ gowls u f’kummenti li ta dan qal, “Il-fatt li se jkollna żewġ plejers ta’ kalibru bħal ma huma Ramsey u Allen neqsin mhux se jitfa’ pressjoni fuqna. Għadna plejers oħra li kapaċi jkunu importanti għat-tim.” Mill-istess grupp illejla Ċipru jilagħbu kontra l-Iżrael.


Mhux mistennija jfallu

L-Italja llejla tilgħab kontra l-Ażerbaijan u mhux mistennija tfalli f’dan il-konfront. It-tim ta’ Antonio Conte beda b’rebħa ta’ 2-0 kontra n-Norveġja u llejla jilqgħu f’Palermo tim li beda b’telfa ta’ 2-1 kontra l-Bulgarija. Tlett ijiem wara dan il-konfront, l-Italja jilagġbu kontra Malta f’Ta’ Qali.

Jista’ jagħti l-każ li llejla jerġa’ jilgħab l-attakkant ta’ Sassuolo Zaza li impressjona minn meta iddebutta mal-Italja u skurja anke wieħed mill-gowls kontra n-Norveġja. Attakkant li jista’ jiddebutta mal-Italja jista’ jkun Graziano Pelle ta’ Southampton.
L-Italja se jkollhom lil Bonaventura u lil Barzagli neqsin minħabba injury u l-midfielder Andrea Pirlo se jkun qed jieħu post Bonaventura. Għal darba oħra l-kowċ Conte ħalla barra lill-attakkant Mario Balotelli li mhux qed ikollu wirjiet sodisfaċenti ma’ Liverpool.
Ħarsa lejn l-istatistika turi li mill-aħħar 15-il logħba li lagħbu, l-Ażerbaijan rebħu biss tliet darbiet u dan juri kemm se tkun diffiċli għat-tim ta’ Berti Vogts li jiksbu xi punti minn dan il-konfront.

Mill-istess grupp il-Bulgarija tilgħab kontra l-Kroazja filwaqt li Malta taffronta n-Norveġja.

Bħall-Italja, l-Bulgari se jippruvaw jiksbu t-tieni rebħa konsekuttiva wara li għelbu lill-Ażerbaijan fl-ewwel partite.

Il-Programm
Illum
Grupp A
Latvja v Iżlanda
Olanda v Kazakhstan
Turkija v Rep. Ceka
Grupp B
Belgju v Andorra
Ċipru v Iżrael
Wales v Bożnija-Herzegovina
Grupp H
Bulgarija v Kroazja
Italja v Azerbaijan
Malta v Norveġja