Edukazzjoni Lokali Saħħa

L-Oppożizzjoni se tressaq il-Liġi dwar l-obeżità u l-ħajja sana għat-Tieni Stadju fil-Parlament

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista se tkun qed tara li l-Ħamis 6 ta’ Novembru, il-Parlament jibda t-Tieni Qari tal-Liġi dwar l-Obeżità u l-Ħajja Sana, li kienet tressqet mill-Oppożizzjoni fil-Parlament f’Ġunju li għadda. Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għaż-Żgħażagħ u l-Isport Robert Cutajar ħabbar dan waqt konferenza dwar il-ħajja sana li saret fil-Junior College fl-Imsida. Robert Cutajar qal li fl-aħħar xhur, il-Gvern kaxkar saqajh fuq din il-Liġi wara li għaddiet mill-Ewwel Qari fil-Parlament.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni qal li madanakollu, l-Oppożizzjoni se tkun qed tuża’ l-ġurnata fil-Parlament iddedikata għax-xogħol tal-Oppożizzjoni biex din il-Liġi tibda tiġi diskussa bis-serjetà bit-Tieni Qari. Ma’ MaltaRightNow.com, Robert Cutajar qal li wara li jsir it-Tieni Qari, il-Liġi tgħaddi għat-Tielet Qari, li jsir fl-istadju tal-Kumitati. Qal li jista’ jkun li l-Liġi tiġi emendata, anke wara aktar laqgħat li kellu f’isem l-Oppożizzjoni ma’ numru kbir ta’ stakeholders f’dan il-qasam. Saret ukoll laqgħa f’Dar Kenn għal Saħħtek, li tipprovdi servizzi u programmi għal persuni li jbatu bl-obeżità.

Waqt il-konferenza li saret fil-Junior College, Robert Cutajar qal li l-Partit Nazzjonalista għandu dan il-qasam għal qalbu u apparti l-preżentazzjoni tal-Liġi fil-Parlament, il-PN organizza numru ta’ attivitajiet oħrajn marbuta ma’ dan il-qasam, fosthom konferenza dwar l-isports f’Ġunju li għadda u healthy living corner fuq il-Fosos waqt l-attivitajiet tal-Indipendenza.

Sadanittant, waqt l-attività fil-Junior College tkellem ukoll Ben Mifsud, raġel ta’ 36 sena li fi ftit żmien irnexxielu jibdel l-istil tal-ħajja tiegħu tant li minn raġel obeż, illum mhux biss jipprattika l-isports iżda hu wkoll atleta tat-triatlon. Ben, li kien jiżen 120kg, illum il-piż tiegħu ma jaqbiżx it-80kg. Hu appella lil kulħadd, partikolarment liż-żgħażagħ biex ikunu determinati u kuraġġjużi meta jiġu biex jagħmlu għażla dwar l-istil ta’ ħajja tagħhom.