Qorti

Pasqualino Cefai hedded li joqtol lill-Maġistrat Hayman u lill-Ispettur Fenech

Pasqualino Cefai hedded lill-Maġistrat Miriam Hayman li joqtolha u lill-Ispettur Johann Fenech li joqtol lilu u lill-familja tiegħu. Dan ħareġ mix-xhieda tas-Surġent Duncan Demicoli meta bdiet il-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Cefai, ta’ 39 sena minn Ħaż-Żebbuġ, li jinsab mixli li l-Ħamis li għadda hedded lill-Maġistrta Hayman u lil Uffiċjal tal-Pulizija. Is-Surġent Demicoli, li hu stazzjonat il-Qorti, qal li kienet il-Maġistrat innifisha li rrappurtat il-każ.

Pasqualino Cefai, li kien ikkundannat seba’ snin ħabs f’ġuri li sar aktar kmieni fuq feriti gravi fil-konfront ta’ raġel ieħor fl-2011, meta kien xejjirlu b’arma bil-ponta fil-Qorti ta’ Għawdex, beda għaddej proċeduri oħrajn fil-Qorti tal-Maġistrati dwar il-każ tal-Maġistrat Hayman u l-Ispettur Fenech. Quddiem il-Maġistrat Audrey Demicoli, b’Cefai kontinwament miżmum immanettjat, is-Surġent Demicoli qal li waqt li kienet għadejja seduta quddiem il-Maġistrat Hayman, l-akkużat deher irrabjat ħafna minn xi deċiżjoni li ħadet il-Qorti.

Ix-xhud qal li skont il-Maġistrat, Cefai qalilha li kien se joqtolha u mbagħad dar ukoll fuq l-Ispettur Fenech u qallu li kien se joqtol lilu u lil familtu. Is-Surġent xehed li Cefai kien f’dagħdigħa ta’ rabja u beda jidgħi u jsabbat. Qal li anke meta niżżluh fil-lock-up, kien għadu fi stat ta’ aġitazzjoni kbira iżda wara ftit ikkalma. Madankollu, f’ħin minnhom meta kien irrabbjat, Cefai beda jħabbat rasu ma’ locker u kisser mera. L-Avukati ta’ Cefai, Edward Gatt u Noel Bianco, qalu li d-Difiża se tkun qed titlob apoloġija ta’ dak li gara u fl-istess waqt tgħaddi messaġġ lill-Avukatura li ma jistax ikun li l-kawżi jinstemgħu mingħajr l-Avukat.

Fix-xhieda tiegħu, il-Kuntistabbli Ryan Borg Ungaro qal li l-inċident seħħ waqt li kienet qed tinstema’ kawża oħra fil-konfront ta’ Cefai. Hekk kif l-akkużat kien immultat fil-Qorti għax instab ħati ta’ disprezz lejn il-Qorti, Cefai qam minn fuq l-iżbarra u qal lill-Maġistrat li l-Avukat tiegħu kien għadu ma wasalx. Wara li hi wissietu, il-Maġistrat Hayman immultatu u qaltlu biex jitlaq ‘il barra. Min-naħa tiegħu, hu beda jgħajjat u qalilha li kienet se tħallas għax kienet qed teħodlu l-flus minn ħalq uliedu. Hu pprova wkoll iħebb għaliha u rreżista l-arrest.

Ix-xhud spjega li l-Maġistrat daħlet fis-Sigrieta tagħha u qalet lill-Pulizija biex jarrestawh u joħorġuh barra. Qal li l-Pulizija mmanettjawh u beda jgħid lill-Ispettur Fenech li kien se jħallas għal dak lil għamlulu. Il-Kuntistabbli Borg Ungaro qal ukoll li fil-lock-up, qallu biex ineħħilu l-manetti u hu hekk għamel, bil-Kuntistabbli jgħid li Cefai qallu li jekk jerġa’ jimmanettjah kien se jaqlalu għajnejh. Cefai għadu qed jinżamm taħt kustodja u qed jiġi mixli wkoll li m’obdiex l-ordnijiet leġittimi tal-Pulizija, li weġġa’ ħafif Uffiċjal tal-Pulizija u li sar reċidiv.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Daryl Borg, filwaqt li l-Avukati Edward Gatt u Noel Bianco qed jidhru għal Pasqualino Cefai. Il-każ mistenni jkompli fl-aħħar ta’ Ottubru.