Lokali

“Ġabni dahri mal-ħajt” – sieħeb Ryan Schembri fin-negozju

“Snin twal ta’ xogħol u sagrifiċċji biex kabbarna l-kumpanija Cassar & Schembri (Marketing) Limited, li kienet qed tistabbilixxi ruħha fis-suq u ssir kumpanija importanti fid-distribuzzjoni tal-ikel fis-suq Malti, taru mar-riħ u spiċċaw ħesrem hekk kif inkixfu każi ta’ frodi kbar li wasslu lil Ryan Schembri jaħrab minn Malta. Lili ħallieni dahri mal-ħajt. Mhux biss żarmali u fallieli l-kumpanija, iżda dak kollu li kelli u li kont fdajtulu għax emmint fih, fosthom il-proprjetà tiegħi, spiċċa maqbud mill-Bank. Qed tarani… ħallieni b’ta’ fuqi senduqi, u ma nafx fejn se nagħti rasi”.

Din kienet id-dikjarazzjoni qawwija li għamel Etienne Cassar, is-sieħeb ta’ Ryan Schembri fil-kumpanija Cassar & Schembri (Marketing) Limited, f’kumment esklussiv mal-ġurnal In-Nazzjon biex jirrakkonta l-esperjenza tiegħu. Fi stat ta’ xokk, għalkemm issa għaddew numru ta’ ġimgħat minn meta skopra dak li ġara, Etienne Cassar irrakkonta bid-dmugħ f’għajnejh kemm hi kiefra li filli tkun għaddej u qed tgħix ħajja normali bid-diffikultajiet u t-tajjeb kollu tagħha, u filli ssib ruħek migdum, misruq, iffrodat u għeri minn dak li suppost kien l-akbar ħabib tiegħek.

Etienne Cassar

“Ħallieni b’ta’ fuqi, senduqi”
– Etienne Cassar

Etienne Cassar kompla li hu u Ryan Schembri oriġinaw flimkien il-kumpanija Cassar & Schembri u kumpaniji oħrajn bħal Food World Limited u Daily Needs Limited. Lil In-Nazzjon, Cassar qal li “jien dejjem kelli r-rwol li nieħu ħsieb l-operations tal-kumpanija u kont nieħu ħsieb id-distribuzzjoni tal-prodotti, fosthom laħmijiet, fis-suq lokali. Ryan Schembri dejjem kien jieħu ħsieb l-aspetti relatati mal-finanzi. Imbagħad Ryan fetaħ supermarket f’Palm City fil-Libja u jien mort xi darbtejn hemm.”

Spjega li x-xogħol hemm kien wieħed inkoraġġanti ħafna, tant li s-supermarket kien jagħmel ukoll il-qligħ fi żmien il-gwerra fi Tripli. Etienne Cassar żied jgħid li “jum wieħed, Ryan Schembri qal li mill-operat tas-supermarket fi Tripli konna tlifna xi €4 miljun. Tajjeb li wieħed japprezza li x-xogħol marbut mas-supermarket fil-Libja kien ġestit mill-kumpanija Intera, li fiha kien hemm involuti numru ta’ persuni u kumpaniji”. Sa Marzu jew April li għadda, kompla Cassar, minkejja kollox l-andament tan-negozju kien miexi ħarir, iżda f’daqqa waħda Schembri beda jġib ruħu b’mod stramb ħafna.

Ma’ In-Nazzjon, kompla jgħid li “lili qatt ma wrieni bit-taħwid li kien qed jagħmel. Lili qatt ma wrieni li kien qed jissellef il-flus mingħand dak u l-ieħor, fosthom mingħand impjegati stess”, qal emozzjonat Etienne Cassar. Kompla li f’daqqa waħda, Ryan Schembri siefer u dam madwar tliet ġimgħat barra mingħajr ma ta ebda flus lill-investituri. Hu kien jgħidilhom li kien se jagħtihom kollox appena jiġi lura Malta u meta kumpanija Kroata, li magħha kien qed jaħdem, issolvi xi problemi relatati ma’ ħasil ta’ flus.

Fl-isfond ta’ dan kollu, Ryan Schembri kien iddaħħal l-Isptar Mater Dei u għamel numru ta’ ġranet rikoverat għax kellu pressjoni għolja ħafna. Etienne Cassar jispjega li “ġara li numru ta’ persuni, fosthom persuni perikolużi ħafna, bdew imorru ħdejh l-Isptar u jitolbuh il-flus. Darba minnhom, missieru Mario, li hu wkoll Direttur f’xi kumpaniji tiegħu, intebaħ b’dak li kien qed jiġri u ppreokkupa ruħu ħafna għal dan. Tant inkwieta li ffaċċja lil ibnu u milli nista’ nifhem ħarġet parti mill-verità, jiġifieri li Ryan Schembri kien qed jissellef flejjes kbar fuq l-idejn, kif ukoll li kien qed iġiegħel investituri jemmnu fih u jsellfuh ammonti kbar ta’ flus”.

Etienne Cassar qal lil In-Nazzjon li hu kkonfronta lil Ryan Schembri, li iżda qallu li dan kien biss mument diffiċli temporanju, filwaqt li qallu wkoll biex ikompli jieħu ħsieb l-operat tal-kumpanija mingħajr ma ma jidħol fl-aspetti finanzjarji. Qal li ma Ryan Schembri mhux biss investa flusu, iżda anke ssellef mill-Bank fuq il-proprjetajiet tiegħu, fosthom daru. Riżultat ta’ dan, u issa li Ryan Schembri allegatament ħarab minn Malta, spiċċa b’id waħda wara u oħra quddiem. Cassar temm jgħid li llum jinsab inkwetat ħafna, anke għax se jkun hemm il-Bank jiġri warajh.