Żagħżugħ Albaniż ġie kundannat sena ħabs sospiżi għal sentejn wara li ammetta quddiem il-Maġistrat Giovanni Grixti li kellu fil-pussess tiegħu passaport falz Taljan biex bih imur lejn l-Ingilterra.
Orgest Musta ta’ 22 sena ammetta wkoll li uża karta tal-identita’ Taljana li kienet falza. Dan kien ġie arrestat fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u l-Pulizijna Maltija ngħatat “tip off” mill-awtoritajiet Ingliżi.
Ir-raġel li qal li jaħdem bħala ġardinar fil-Greċja qal lill-Pulizija li ried imur l-Ingilterra imma peresws li huwa kellu biss passaport Albaniż kellu bżonn dokument Ewropew biex ikun jista’ jidħol l-Ingilterra mingħajr visa.
Kien għalhekk qal li huwa xtara dokument falz minn Parma għal €2,000. L-Avukat Noel Bartolo argumenta li sentenza sospiża hija l-aħjar piena f’din iċ-ċirkostanza, u dan meta l-istess ħati kien se jiġi deportat. L-Ispettur Darren Buhagiar mexxa l-Prosekuzzjoni.
//= $special ?>
