FIMBank plc u Banif Bank, tnejn mill-banek ewlenin fil-gżejjer Maltin, flimkien ma’ persuni involuti fit-tmexxija ta’ supermarkets, huma fost dawk migduma, jew użati, b’konnessjoni mal-frodi ta’ €40 miljun u aktar, li dwarha qed issir tfittxija għal Ryan Schembri, ta’ 36 sena, li joqgħod il-Mellieħa.
Kif żvela l-ġurnal In-Nazzjon b’mod esklussiv fl-aħħar jiem, Ryan Schembri ilu nieqes minn Malta mil-lejl ta’ bejn l-20 u l-21 ta’ Settembru li għadda.
Dan l-istazzjon kompla jinvestiga din l-istorja, u minn aktar stħarriġ li għamilna, irriżulta li l-FIMBank, li għandu l-kwartieri tiegħu f’San Ġiljan u diversi fergħat imxerrdin ma’ Malta u anke f’Għawdex, sellef flus lil terzi b’faċilità ta’ tip ta’ loan li tissejjaħ ‘Factoring Agreement’.
Dawn il-persuni u soċjetajiet jidher li ssellfu dawn il-flus biex jgħadduhom lil Ryan Schembri f’waħda mill-operazzjonijiet kbar tiegħu ta’ international cross-border trading bejn pajjiż għal kumpaniji oħra f’pajjiż ieħor.
Aħna infurmati li l-FIMBank, fil-31 ta’ Lulju 2014, fetaħ kawża fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili kontra numru ta’ persuni u soċjetajiet, u b’kollox qed tfittixhom għas-somma ta’ kważi €1.7 miljun.
F’dan ir-rikors, il-Bank jgħid li permezz ta’ ftehim il-kumpanija obbligat ruħha li toffri lill-bank il-krediti li jirriżultawlha mill-fornitura ta’ prodotti u servizzi lill-klijenti tagħha.
Sadanittant, bank ewlieni ieħor fil-gżejjer Maltin, il-Banif Bank, li wkoll għandu l-kwartieri tiegħu f’San Ġiljan u għandu wkoll għadd ta’ fergħat imxerrda f’pajjiżna, bħalissa qed jieħu l-pariri legali kollha meħtieġa biex jipproċedi kontra persuni li sellifhom ammonti konsiderevoli ta’ flus għall-bżonnijiet tagħhom, u li mill-investigazzjonijiet li saru wara, irriżulta li dawn ingħataw lil Ryan Schembri għan-negozju tiegħu.
Dawn il-persuni għamlu dan, għaliex kienu mwiegħda li se jingħataw profitti u mgħaxijiet tajbin b’mod regolari fuq l-ammonti li jkunu investew miegħu.
Nafu b’każ partikulari ta’ persuna, li biex investa flusu ma’ Ryan Schembri, mar il-Banif Bank u ssellef il-flus b’ipoteka daru u proprjetajiet oħra tiegħu biex imbagħad il-flus kollha li ssellef, għaddiehom lil Ryan Schembri biex jixtri kunsinni ta’ laħam minn pajjiż, ħalli dawn jinbiegħu lil kumpaniji oħrajn f’pajjiżi oħrajn fl-Ewropa.
Dan l-individwu kien imwiegħed profitti ta’ tnax fil-mija fuq l-ammonti tiegħu fi żmien tliet xhur biss.