Lokali

“Ġejt interpretata ħażin” – il-Perit ta’ Transport Malta tgħid li n-nies fit-traffiku jaraw il-ħin itwal

Ġejt interpretata ħażin għax ridt ngħid li fit-traffiku n-nies jiċċekkjaw iktar il-ħin u għalhekk jaraw il-ħin itwal.

Dan kien il-kliem tal-Perit Audrey Testaferrata de Noto, li tkellmet f’isem Transport Malta dalgħodu waqt il-programm newsbook fuq l-istazzjon tar-radju RTK.

Testaferrata de Noto kienet qed tirreferi għal kumment tagħha iktar kmieni din il-ġimgħa waqt il-programm NewsFeed fuq NET TV, fejn qalet li d-dewmien fit-traffiku hija biss perċezzjoni. Tista’ ssegwi l-kumment hawnhekk.

Matul il-programm, il-Perit ta’ Transport Malta tkellmet fuq kif il-vetturi ġodda qed jiżdiedu b’iktar minn 2% kull sena. Hi qalet li qatt ma qalet li f’Malta m’ghandniex problema ta’ traffiku tant li ħafna drabi, biex jevitaw it-traffiku, in-nies qed ikollhom jgħaddu minn toroq itwal, u jaħlu iktar petrol.

Fost is-soluzzjonijiet ta’ Transport Malta se jkun qed jitħeġġeġ l-car pooling, jiġifieri li wieħed iwassal miegħu persuni li sejrin fl-istess destinazzjoni tiegħu. Qed isir ukoll sforz għat-titjib tar-rotot tal-karozzi tal-linja, spjegat il-Perit.

Matul il-programm tkellem ukoll il-koordinatur tal-paġna tal-Facebook Maltese Roads Traffic Updates, Malcolm Felici, li qal li jirċievi ħafna lmenti mingħand in-nies u li għad hemm ħafna fejn hemm bżonn li jsir titjib. Fost oħrajn hu semma’ t-traffiku li jkun hemm f’postijiet bħal Marsa u l-ħinijiet inkonvenjenti li fihom isiru xi xogħlijiet fit-toroq, minflok isiru tard filgħaxija.

Numru ta’ semmiegħa kellhom ukoll iċ-ċans li jipparteċipaw matul il-programm, fejn fost oħrajn cemplu biex jilmentaw dwar l-ineffiċjenza tat-trasport pubbliku, il-konġestjoni f’ċertu żoni, it-toroq ħżiena u li f’postijiet bħal Fgura l-karozzi tal-linja l-ħin kollu jgħaddu mimlijin, u b’hekk iħallu lin-nies jistennew fuq l-istejġ għalxejn.