Lokali

Il-Ministru Mallia ippressat biex jippublika ż-żewġ inkjesti

L-opinjoni pubblika tibqa’ tippressa lill-Ministru tal-Intern Manwel Mallia biex jippubblika ż-żewġ inkjesti li jinvolvu lill-Korp tal-Pulizija.

S’issa l-Gvern u l-Ministeru tal-Intern qed jirrifjutaw li jippubblikaw dawn l-inkjesti.

Inkjesta minnhom tikkonċerna deċiżjoni tal-eks Kummissarju Peter Paul Zammit li ma jieħux passi kontra persuna li allegatament attakkat erba’ uffiċjali tal-Pulizija u l-inkjesta l-oħra titratta l-każ ta’ persuna li kien imressaq il-Qorti għal xejn b’rabta ma’ hold-up.

Minkejja li issa l-Ministru Mallia qed jirrifjuta li jippubblika dawn l-inkjesti, fiż-żewġ każi l-pożizzjoni tal-Gvern kienet li dawn l-inkjesti se jkunu pubblikati.

Aktar kmieni din il-ġimgha l-Ministru Mallia kien ippressat mill-ġurnalisti biex jispjega r-raġunijiet għaliex dawn l-inkjesti għad m’humiex pubblikati.

Il-pożizzjoni tal-Ministru Mallia kienet li għadha qed issir analizi dwarhom u li meta jkunu pubblikati l-ġurnalisti jkunu jafu.

Quddiem din is-sitwazzjoni l-editorjal ta’ The Times ikkonkluda li d-deċiżjoni tal-Ministru Mallia tqajjem suspetti li l-inkjesti se jikkonkludu xi ħaġa ħażina nkella l-Ministru Mallia jrid jilgħab għaż-żmien biex jirranġa xi nuqqasijiet li se jkunu identifikati fl-inkjesta.

The Times tikkritika wkoll il-mod kif qed jaġixxi l-Ministru Mallia u targumenta li l-attitudni tal-Ministru tal-Intern tammonta għal insult għall-intelligenza tan-nies. Aktar u aktar meta l-Ministru Mallia hu l-ministru li jmexxi Ministeru mill-iktar sensittivi bħal dak tal-Intern.

L-editorjal ta’ The Times jitfa’ wkoll ir-responsabbilta’ fuq il-Prim Ministru u jinsisti li għandu jordna lill-Ministru Mallia biex jippubblika l-inkjesti mingħajr dewmien ta’ żmien.

F’Marzu 2013 il-poplu ma vvutax għal dan it-tip ta’ gvern, kkonkluda l-editorjal ta’ The Times.