Lokali

Il-Partit Nazzjonalista b’numru ta’ proposti għall-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ

Il-Partit Nazzjonalista qed jipparteċipa fit-tfassil tal-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ tant li waqt laqgħa li l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għaż-Żgħażagħ u Sport Robert Cutajar kellu mal-Kumitat imwaqqaf apposta biex imexxi l-proċess ta’ konsultazzjoni, ġew proposti numru ta’ punti. Għal din il-laqgħa attenda wkoll il-President tal-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista Matthew Agius.

Il-Partit Nazzjonalista, filwaqt li jaqbel mal-maġġoranza tal-proposti indikati fid-dokument imressaq għall-konsultazzjoni, ressaq ukoll numru ta’ prijoritajiet f’isem l-Oppożizzjoni biex il-Gvern jikkunsidrahom meta jiġi biex iħabbar id-dokument finali fil-ġimgħat li ġejjin.

Fost il-proposti li ressqet l-Oppożizzjoni hemm dawk dwar il-qasam tax-xogħol b’aċċenn fuq il-garanzija taż-żgħażagħ li din hemm bżonn li tibqa’ tingħata l-attenzjoni li jixirqilha.

Proposta oħra li aċċenna għaliha l-Partit Nazzjonalista hija dwar il-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ anke fuq livell ta’ Kunsilli Lokali. Il-Partit Nazzjonalista jemmen li l-Aġenzija Żgħażagħ għandha tibqa promotur ewlieni biex tkompli taħdem għal aktar parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fis-soċjeta’ Maltija.

Il-volontarjat fost iż-żgħażagħ kien ukoll wieħed mis-suġġetti li l-Partit Nazzjonalista tkellem dwaru matul din il-laqgħa.

Robert Cutajar għamel referenza wkoll għall-fatt li din l-istrateġija għandha tenfażizza l-importanza tal-isport fost iż-żgħażagħ anke fl-iskejjel sekondarji u post-sekondarji.