Il-Prosekuzzjoni bniet il-każ tagħha fuq il-gideb ta’ Joe Polidano, li kien wieħed mill-persuni li wettaq il-“hold-up” u l-attentat ta’ serqa meta dan għalkemm xehed quddiem il-ġurati, ma xehed xejn “viva voce” peress li kellha tinqralu x-xhieda. Dan wara li ma bediex ikun konsistenti fuq dak li beda jgħid.
Dan ħareġ meta s-sibt filgħodu d-difiża għamlet il-kontro replika tal-każ tagħha fil-każ ta’ George Xuereb ta’ 49 sena mill-Marsa, li ilu għaddej ġuri minn nhar It-Tnejn li għadda quddiem l-Imħallef Michael Mallia mixli li f’Marzu ta’ 18-il sena ilu ipprova joqtol żewġ membri tal-Korp tal-Pulizija wara “hold-up” li kien sar minn tliet irġiel fuq il-fergħa tal-Mid-Med Bank, illum HSBC ta’ St. Andrews.
Xuereb qed jiġi akkużat b’ħames Kapi ta’ akkuża bl-aktar gravi huma dawk tal-attentat ta’ qtil u attentat ta’ serq bi vjolenza mill-istess bank. Akkużi oħra huma dik ta’ serq ta’ vann u pistola, liema pistola kienet bla liċenzja tal-Kummissarju tal-Pulizija.
Il-ġuri issa jkompli nhar it-Tnejn li ġej meta l-Imħallef Mallia jindirizza lill-ġurati fejn jagħti gwida fuq punti ta’ liġi u kmieni wara nofs inhar għandu jibgħathom jiddeliberaw il-każ.
L-Avukat Fenech Adami qal li ma hemm l-ebda dubju li ma hemm biżżejjed provi mingħajr dubju raġonevoli li l-akkużat kien involut fil-każ. Kien hemm ukoll kunflitt fil-verżjoni tal-erba’ uffiċjali Prosekuturi, li nvestigaw il-każ fl-1996.
Huma kollha qalu li nvestigaw każ li kien jinvolvi tliet ħallelin, iżda kien biss l-ex Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo li semma ħamsa. Dan qal li li kellu nformazzjoni li kienu ħamsa u mhux tlieta, iżda staħa jgħid minn fejn kienet ġiet din l-informazzjoni.
L-Avukat Fenech Adami reġa’ saħaq li ħafna mill-evidenza tiffavorixxi lill-akkużat u dan għax il-Prosekuzzjoni qed tibdni l-każ tagħha fuq persuna li ħawwad kemm felaħ fix-xhieda tiegħu, anke l-ftit li xehed, għax imbagħad kellu tinqralu x-xhieda li kien ta meta kien għaddej kumpilazzjoni.
Huwa qal li mill-banda l-oħra Carmelo Spiteri, li qal li kien il-“mastermind” tal-każ dejjem kien konsistenti fix-xhieda tiegħu, kemm fil-passat u anke quddiem il-ġurija fejn dejjem eżonera lill-akkużat mill-każ u li qal li huwa ra lil George Xuereb biss wara li seħħ il-każ waqt il-proċeduri.
L-Avukat Lara Lanfranco, f’isem l-Avukat Ġenerali flimkien mal-Avukat Kevin Valletta, mexxew il-każ tal-Prosekuzzjoni.
//= $special ?>