Internazzjonali

L-ISIS jintensifika l-assedju fuq Kobane

Ġellieda tal-ISIS bdew attakki ġodda fil-belt ta’ Kobane mal-fruntiera Sirjana, f’attentat biex jiċċirkondaw id-difensuri Kurdi.

Il-militanti tal-ISIS attakkaw partijiet fil-Punent tal-belt iżda għad iridu jikkontrollaw parti oħra mal-fruntiera tat-Turkija.

Din iż-żona partikulari hi rotta importanti li minnha jgħaddu l-provvisti u n-nies.

Sadattant il-koalizzjoni mmexxija mill-Istati Uniti qed tkompli bl-azzjonijiet militari mill-ajru kontra l-ISIS, iżda l-Kurdi sostnew li, b’mod immedjat, iridu aktar armi u munizzjon.

L-Istati Uniti qalet li l-attakki mill-ajru biss mhumiex biżżejjed biex il-belt ta’ Kobane tkun salvata mill-ISIS.

Madankollu fl-Iraq, uffiċjali mill-provinċja ta’ Anbar, għamlu appell imqanqal biex jingħataw għajnuna militari, u saħqu li ż-żona tista’ taqa’ f’idejn il-militanti tal-ISIS.