“Pass ieħor fit-tiġdid tal-Partit Nazzjonalista”
Kien b’dan il-kliem li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil fisser il-ħatra tal-10 persuni li se jkunu qed jaqdu r-rwol ta’ chairpersons tal-Policy Fora li waqqaf il-Partit Nazzjonalista wara deċiżjoni tal-Eżekuttiv.
Il-Kap tal-PN qal li l-għan tal-Policy Fora huwa li jkomplu jiġġenerew ideat ġodda għall-PN bil-għan li jkomplu jsaħħu l-ambizzjoni li l-Partit Nazzjonalista jibqa’ “fabbrika tal-ideat”.
F’konferenza stampa fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil fakkar li l-iskop wara t-twaqqif tal-Policy Fora kien li dawn iħarsu lejn il-policies li l-Partit Nazzjonalista għandu jkollu għall-futur f’kull wieħed mill-10 setturi li jiffokaw fuqhom il-policy fora.
B’referenza għall-persuni li nħatru bħala Chairpersons, il-Kap tal-PN qal li n-nies maħtura f’dan ir-rwol, u li kienu wkoll preżenti waqt il-Konferenza Stampa, huma lkoll nies stabbiliti sew, ta’ reputazzjoni b’saħħitha u li għall-maġġoranza tagħhom din se tkun l-ewwel darba li se jkunu parti minn proġett ta’ partit politiku li se jkun qed jaġġorna l-politika tiegħu.
Il-President tal-Kumitat Eżekuttiv tal-PN, Anne Fenech, ħabbret l-ismijiet taċ-chairpersons ta’ kull policy forum: Il-Profs. Maria Attard li se tkun iċ-Chairperson tal-Policy Forum dwar l-Ambjent u l-Agrikultura, Ivan Bartolo ċ-Chairperson tal-Forum dwar l-Ekonomija u x-Xogħol, Dr Albert Bell li se jkun qed imexxi l-Policy Forum dwar it-Tiġdid Soċjali, Maria Cassar iċ-Chairperson tal-Forum dwar is-Saħħa, il-Professur Vicki Ann Cremona li se tkun qed tmexxi il-Policy Forum dwar l-Affarijiet Ewropej u Barranin, David Felice li se jkun qed imexxi l-Policy Forum dwar il-Kultura u l-Kreattivita’, Dr Joe Giglio li nħatar bħala c-Chairperson tal-Forum dwar il-Ġustizzja u l-Intern, Dr Rita Mifsud li se tkun qed isservi bħala Chairperson tal-Policy Forum dwar Għawdex u l-Profs. Valerie Sollars li nħatret bħala Chairperson tal-Policy Forum dwar l-Edukazzjoni. Ma’ dawn jiżdied ukoll Policy Forum ieħor li se jkun qed jiffoka fuq il-viżjoni fit-tul għall-politika tal-Partit Nazzjonalista u li jiġbor fih dawn l-oqsma kollha. Dan il-Forum se jkun immexxi mill-Membru Parlamentari Ewropew Dr. Therese Comodini Cachia.
Il-Kap tal-PN Simon Busuttil qal li ċ-Chairpersons tal-Policy Fora se jkunu qed iniedu proċess ta’ konsultazzjoni ma’ numru ta’ professjonisti, esperti u nies fid-djar tagħhom biex jiġbru l-ideat ta’ kulħadd. B’dan il-mod, sostna Simon Busuttil, il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jiġġedded u jkompli jiftaħ il-bibien tiegħu għal ħafna persuni li sal-lum ma kinux involuti fil-qasam politiku.
//= $special ?>