Knisja Kurżitajiet Lokali

Raġel fis-sakra jaqla’ paniku waqt quddies f’Tas-Sliema

AĠĠORNATA: Il-quddiesa tad-9 ta’ filgħodu fil-Parroċċa ta’ Stella Maris f’Tas-Sliema kella tieqaf għal ftit ħin hekk kif raġel ta’ nazzjonalita’ barranija qala’ paniku waqt l-ewwel qari.

Jidher li dan ir-ragel, li skont dak li qalilna l-Kappillan tal-Parroċċa, kien xurban beda’ jħabbat fuq il-bank fejn kien bilqegħda, u f’ħin minnhom ħareġ quddiem il-qassis u beda’ jgħajjat li l-qassis suppost kellu jkun jaf il-Bibbja bl-amment.

Minkejja dan, is-sitwazzjoni jidher li ikkalmat hekk kif il-Kappillan Father Joe Bartolo , flimkien ma’ xi nies li kienu qed jisimgħu il-quddies, irnexxilhom joħorġu lil dan ir-raġel barra mill-knisja bil-kelma t-tajba biex il-quddies setgħet tkompli kif suppost.

Persuni li assistew għal dan l-inċident u li tkellmu ma’ dan is-sit qalu kif ir-raġel fl-ebda ħin ma’ kien vjolenti lejn il-qassis jew persuni oħrajn, u li minkejja li ġew imsejjħa l-Pulizija ma’ kienx hemm bżonn tal-intervent tagħhom biex tiġi kkontrollata s-sitwazzjoni.

Aktar kmieni…

10:00am: MaltaRightNow.com jinsab infurmat li r-raġel li aktar kmieni dalgħodu kien agressiv fil-konfront ta’ qassis, waqt quddiesa fil-Knsja ta’ Stella Maris f’Tas-Sliema, huwa ta’ nazzjonalita’ barranija u kien xurban meta daħal ġol-Knisja.

Skont l-informazzjoni li waslet għand dan is-sit, ir-raġel beda jgħajjat li l-qassis ma kellux għalfejn jaqra mill-Bibbja, għax suppost jafha bl-amment.

9:44am: MaltaRightNow jinsab infurmat li fl-aħħar ħin seħħ xi argument fil-Knisja ta’ Stella Maris f’Tas-Sliema.

Skont informazzjoni li waslet fil-kamra tal-aħbarijiet ta’ Media.Link Communications, persuna mhux magħrufa daħlet fil-Knisja ta’ Stella Maris waqt quddiesa u kienet agressiva fil-konfront tal-qassis, madanakollu din l-informazzjoni għad trid tiġi verifikata.

Kelliem għall-Korp tal-Pulizija qalet li daħlu rapporti li “seħħ xi ħaġa” f’din il-Knisja, madanakollu d-dettalji tal-inċident għad iridu jiġu konfermati.

Aktar dettalji hekk kif jidħlu.