IL-BELĠJU: Charles Michel, politiku liberali ta’ 38 sena, sar l-iżgħar Prim Ministru tal-Belġju mill-1841 ’il hawn.
Michel beda l-karriera politika minn età żgħira u kien ispirat biex jaqbad din it-triq minn missieru, Louis Michel – eks Ministru u Kummissarju Ewropew. Sadanittant, Charles Michel ilu għal dawn l-aħħar ħmistax-il sena protagonista fil-politika ta’ pajjiżu.
Michel qed jieħu post is-Soċjalista Elio di Rupo, li kien ilu jservi bħala Prim Ministru proviżorju tal-Belġju mill-aħħar ta’ Mejju. Dan wara li l-elezzjonijiet nazzjonali ipproduċew riżultat inkonklussiv tipiku fil-pajjiż, fejn jiddominaw il-komunitajiet li jitkellmu bil-Franċiż u l-Fjammin.
Il-Gvern Belġjan hu l-ewwel wieħed li qed jinkludi Ministri mill-Partit Ġdid għall-Alleanza Fjammina (N-VA) li jippromwovi politika separatista. Intant, din l-amministrazzjoni hi determinata li tnaqqas mill-infiq u tibbilanċa l-baġit nazzjonali.
Il-Belġju għadda kemm-il darba minn sitwazzjonijiet ta’ staġnar politiku fit-tul wara l-elezzjonijiet. Fil-fatt, kellhom jgħaddu 541 ġurnata sakemm kien iffurmat il-Gvern preċedenti taħt tmexxija Soċjalista.
//= $special ?>