IR-RENJU UNIT: Il-qlubija ta’ Winston Churchill biex mexxa lill-Ingilterra matul it-Tieni Gwerra Dinjija setgħet ħbiet l-inferjorità li kien ibati biha għax kien iqis lilu nnifsu qasir wisq.
Is-Sindku ta’ Londra Boris Johnson qal fi ktieb miktub minnu stess, li dwar il-Prim Ministru Churchill, li kien twil ħames piedi u sitt pulzieri, hemm evidenza li wieħed jissuġġerixxi li hu kien jistinka biex jikseb suċċess sabiex juri lil min kien jinkih kemm kien kapaċi.
Skont Boris Johnson, Churchill kien ibati mix-short man syndrome – kundizzjoni li ġiet deskritta minn xjenzati fejn irġiel qosra jikkumpensaw għan-nuqqas ta’ tul permezz ta’ atti ta’ aggressjoni.
Dan is-sindromu kien assoċjat ma’ uħud mid-dittaturi fl-istorja, fosthom Adolf Hitler, Napuljun, Mussolini u Stalin.
U fil-bijografija l-ġdida ta’ Boris Johnson, kien intqal li s-sindromu kienet il-fus li permezz tiegħu Churchill sfida lil min kien jinkih jew jostakolah.
Il-ktieb il-ġdid bl-isem ta’ The Churchill Factor ħa aktar minn sena biex saret ir-riċerka għalih u se jkun ippubblikat fil-jiem li ġejjin, bi tħejjija għall-50 anniversarju mill-mewt tal-mexxej Ingliż.
Fil-ktieb, is-Sindku ta’ Londra wkoll ifisser kif il-ħajja bikrija ta’ Churchill, bħala student fl-iskola prestiġjuża Harrow, setgħet wasslitu biex juri li hu bniedem ta’ stoffa.
Hu jispjega li Churchill ma kienx membru tat-tim tal-futboll f’Harrow jew fit-tim tal-cricket, u anki ħarab minn diversi studenti oħrajn meta darba kienu tefgħulu l-blalen tal-cricket.
L-awtur ukoll jissuġġerixxi li probabbilment it-tfal fl-iskola kienu jaqbdu miegħu għax kellu difett fid-diskors.
Madankollu, Boris Johnson jispjega li dak li jiddistinwgi lil Churchill minn mexxejja oħrajn tas-seklu 20 kienet “il-kobor ta’ qalbu” u l-abbilta’ tiegħu biex iħenn.
Fatt ieħor hu li meta omm Churchill iddeċidiet li tkeċċi lin-nanny, hu uża l-ftit flus li kellu biex jgħinha finanzjarjament għax kien ħadha bi kbira.
Sadattant, Boris Johnson ukoll jemmen li kieku Churchill għex fi żmienna, kien japprova d-deċiżjoni tal-Parlament biex jappoġġja l-azzjonijiet militari kontra l-ISIS. “Hu kien jemmen fil-qawwa ta’ l-ajru – tant hu hekk li kien hu li ħoloq l-RAF – għalhekk naħseb li kien jagħmel eżatt kif qed jagħmel il-Prim Ministru tal-lum”, temm jgħid is-Sindku ta’ Londra.
//= $special ?>