Lokali

FILMAT: Muscat ma jista’ jwaħħal f’ħadd jekk il-power station ma tkunx lesta fil-ħin

Aġġornata b’stqarrija mill-Partit Nazzjonalista

Wara li l-Prim Ministru Joseph Muscat il-Ħadd filgħodu ammetta li l-bini tal-power station il-ġdida mhux se tkun lesta sa’ Marzu 2015, kien kien imwiegħed, dan is-sit ħa l-kummenti tal-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil.

Simon Busuttil qal li l-Prim Minsitru Joseph Muscat ma jista’ jwaħħal f’ħadd għall-proġett li hu tiegħu u li mhux se jirnexxielu jwettqu fil-ħin kif kien wiegħed.

Ara l-filmat bil-kummenti tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil

[headlines headline=”h3″ ]Muscat għandu jieqaf jgħaddi n-nies biż-żmien u jibda jgħid il-verita’ – il-PN[/headlines]

Intant, fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista qal li Joseph Muscat għandu jieqaf jgħaddi n-nies biż-żmien

Il-Ħadd filgħodu Joseph Muscat ikkonferma li mhux se jżomm mal-akbar wegħda politika li qatt għamel – dik li jibni power station biex ikun jista’ jraħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma.

Dan ifisser li Muscat ma jżommx mal-wegħdiet li jagħmel u l-kredibilita’ ta’ Muscat ħadet daqqa ‘l isfel.

Il-Partit Nazzjonalista qal li dan huwa proġett mill-bidu sal-aħħar ta’ Muscat u fil-proġett tal-powerstation, Muscat ma jista’ jwaħħal f’ħadd. Dan wara li ilu jgħid sena u nofs li l-proġett miexi ‘on track’.

Il-poplu Malti u Għawdxi jixraqlu tweġibiet ċari u li jingħata dak li ġie mwiegħed, ikompli jgħid il-Partit Nazzjonalista.

Il-poplu għandu dritt ikun jaf x’se jiġri mill-proġett li permezz tiegħu Muscat se jħallas għar-roħs tal-kontijiet u wasal iż-żmien li Muscat jieqaf jgħaddi n-nies biż-żmien u jibda jgħid il-verita, ittemm tgħid l-istqarrija.