Lokali Parlament

Għada jitlaqqa’ l-Parlament wara l-btajjel tas-sajf

[headlines headline=”h3″ ]Intilef xahar xogħol tal-Parlament …għaliex il-Ministru Joe Mizzi naqas li jitkellem li l-bini l-ġdid ma kienx se jitlesta[/headlines]

Il-Gvern baqa’ ma ta l-ebda raġuni għaliex il-Ministru Joe Mizzi deherlu li kellu javża lill-Parlament għaxart ijiem qabel, bl-aħbar li ma ntlaħqitx il-mira li l-Parlament jiltaqa’ fil-bini l-ġdid għada wara l-waqfa tas-sajf. Dan meta kien il-Ministru Mizzi stess li assigura li x-xogħol fuq il-bini tal-Parlament il-ġdid ma jaqax lura.

Il-Viċi Kap tal-PN għall-Ħidma fil-Parlament, Mario de Marco ddikjara dan f’intervista ma’ dan is-sit u saħaq li kieku l-Ministru Joe Mizzi tkellem meta kien qed jirriżultalu li l-bini l-ġdid tal-Parlament ma kienx se jitlesta, il-Parlament seta’ jitlaqqa’ qabel biex jibda bil-ħidma kif issoltu jsir wara l-btajjel tas-sajf.

Quddiem dan l-aġir u l-imġiba tal-Gvern, Mario de Marco rrimarka li l-Parlament tilef xahar xogħol għalxejn, filwaqt li staqsa jekk kienx komdu għall-Gvern li jintilef xahar xogħol tal-Parlament. Hu fisser li l-ekonomija u l-poplu għandu bżonn Parlament li jiffunzjona biex jgħaddi liġijiet bżonnjużi għaliex f’qafas ta’ ekonomija moderna, hemm bżonn ta’ liġijiet ġodda u moderni.

Il-Ministru Mizzi għandu jerfa’ r-responsabbiltà
Mario de Marco qal li kien il-Gvern li propona li l-Parlament ikun inawgurat qabel ma jibda jiltaqa’ l-Parlament wara l-waqfa tas-sajf. Qabel ma aġġorna l-Parlament kienu saru diskussjonijiet bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni minħabba li kienet se tkun l-aħħar seduta tal-Parlament fil-bini tal-Palazz tal-President.

Saret kommemorazzjoni, qal Mario de Marco, għaliex il-Gvern kellu assigurazzjoni mill-Ministru responsabbli, li kien se jkun lest.
Jirriżulta wkoll li qabel ma aġġorna l-Parlament għall-vaganzi tas-sajf, fi stqarrija tad-Dipartiment tal-Informazzjoni, intqal li l-Ministru Joe Mizzi kien iddikjara li kien ħa f’idejh tar-responsabbiltà tal-monitoraġġ tal-Parlament biex jassigura li l-proġett ma jaqax lura.

Quddiem dawn id-dikjarazzjonijiet, kien fil-ġurnata li kellu jiltaqa’ l-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra l-ġimgħa li għaddiet, li l-Ministru Joe Mizzi ħabbar li l-proġett mhux se jitlesta sad-data ppjanata, u f’ittra lill-Ispeaker, il-Ministru Mizzi ntrabat li rappreżentanti tal-GHRC kellhom jispjegaw quddiem il-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra dwar x’wassal għal dan id-dewmien biex il-Kumitat ikun jista’ jfassal ġurnata ġdida meta se jibda jiltaqa’ l-Parlament fil-bini l-ġdid.

Minkejja dan, kien hemm “in-no show tal-Gvern għax la tfaċċa l-Ministru Mizzi jew xi rappreżentant tiegħu, u lanqas uffiċjal tal-GHRC”. Il-Parlament kien infurmat biss li l-bini mhux lest, li l-inawgurazzjoni li kellha ssir illum mhix se ssir; li s-seduta tal-Parlament li se ssir għada t-Tnejn fil-Palazz il-Belt; u li l-Parlament baqa’ ma jafx fhiex wasal ix-xogħol u meta se jitlesta.

 Quddiem l-aġir u l-imġiba tal-Gvern, il-Parlament tilef xahar xogħol għalxejn

“Il-Ministru Joe Mizzi naqas mir-responsabbiltà għaliex kien hu li ta l-assigurazzjonijiet li l-bini se jitlesta, għax ir-riżultat aħħari hu li l-Parlament il-ġdid mhux lest.” Mario de Marco saħaq ukoll li mhux ġustifikat li l-Ministru Mizzi jinforma lill-Parlament għaxart ijiem qabel il-ftuħ uffiċjali, u s-serjetà kienet titlob li jersaq quddiem il-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra u jagħti spjegazzjoni, jinforma lill-Parlament bl-aħħar żviluppi u jindika ċar meta l-bini se jkun lest. “Din mhix kwistjoni biex xi ħadd jippunta t-tort lejn xi ħadd, iżda l-Oppożizzjoni tistenna li xi ħadd jerfa’ r-responsabbiltà quddiem il-kunfidenza li kellu l-Ministru Mizzi li ħa fuq spallejh.”

Mario de Marco qal li lanqas ir-rappreżentanti tal-Gvern fil-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra, ma kienu infurmati, u ma kinux jafu dwar jekk hix se tingħata spjegazzjoni.

Fil-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra, ħadd lanqas ma ta tweġiba lill-Oppożizzjoni mir-rappreżentanti tal-Gvern u mill-Ispeaker dwar min ta l-istruzzjoni biex il-persuna jew persuni li l-Ministru qal li se jagħtu l-ispjegazzjoni lill-Kumitat, ma jattendux.

L-abbozz ta’ liġi li jirregola l-finanzjament tal-partiti
Dwar l-aġenda li għandu quddiemu l-Parlament fl-ewwel ġimgħat qabel ma jitressaq il-Baġit lejn nofs ix-xahar id-dieħel, Mario de Marco qal li din tinkludi l-abbozz ta’ liġi li jirregola l-finanzjament tal-partiti.

Mario de Marco qal li din hi liġi importanti li l-Oppożizzjoni taqbel fil-prinċipju li għandu jkun hemm l-akbar trasparenza dwar il-finanzjament tal-partit.

L-Oppożizzjoni qed tqajjem il-kwistjoni dwar il-proprjetà li l-Partit Laburista ħa f’idejh fis-snin l-imgħoddija meta kien fil-Gvern. In-numru ta’ proprjetà li ħa f’idejh il-Partit Laburista hu wieħed kbir u ta’ valur ukoll sostanzjali. “L-Oppożizzjoni qiegħda fi żvantaġġ kbir minħabba sitwazzjoni fejn il-partit fil-Gvern għandu għadd kbir ta’ proprjetà li ħa f’idejh meta l-Gvern Laburista esproprija, mingħajr ebda interess pubbliku, numru ta’ proprjetajiet jintużaw bħala każini Laburisti… għaldaqstant l-Oppożizzjoni mhux se titlaq mill-istess punt ta’ tluq, bil-Partit Laburista għandu vantaġġ finanzjarju fuq l-Oppożizzjoni.”

Hemm il-kwistjoni wkoll tal-Australia Hall, meta kien sar tpartit bejn proprjetà tal-Partit Laburista u dik li kellu l-Gvern, u l-Australia Hall għaddiet lill-Partit Laburista – bini ta’ valur storiku li fil-kuntratt il-Gvern Laburista stess kien għamel kundizzjonijiet, fosthom li l-Partit Laburista jieħu ħsieb il-proprjetà – liema proprjetà baqgħet abbandunata.

Il-Gvern kien għamel kawża kontra l-Partit Laburista minħabba li ma kienx mexa mal-kundizzjonijiet tal-kuntratt u ħalla l-bini storiku dilapitat u fi sfreġju ta’ patrimonju Malti storiku, bir-riżultat li kien qed jintalab ix-xoljiment ta’ din l-għotja.

Illum, fisser Mario de Marco, il-Gvern Laburista ddeċieda li jwaqqa’ l-kawża kontra l-Partit Laburista mhux għax ma kienx hemm bażi legali għall-kawża, iżda għaliex, bla ġustifikazzjoni, injora l-ftehim u ma riedx jobbliga lill-Partit Laburista biex ikunu mħarsa l-kundizzjonijiet miftiehma.

Għaċ-ċittadin, dan ifisser li l-Gvern ikun lest li jieħu lura l-proprjetà tiegħu jekk ma jkunx hemm osservanza tal-kundizzjonijiet tal-ftehim, iżda jħalli lill-Partit Laburista ma jonorax l-obbligi tiegħu u saħansitra jwaqqa’ kawża fil-Qorti kontra l-Partit Laburista. Dan wassal lill-Partit Laburista, anke mingħand dan il-gvern illum, jieħu lura l-Australia Hall li biegħha bi kwantità ta’ flus.

Mario de Marco qal li l-Oppożizzjoni se tibqa’ żżomm mal-prinċipju li dejjem mexxiha – dak li l-partiti għandhom jitilqu minn punt komuni bil-PN ma jkunx fi żvantaġġ.

L-Abbozz ta’ Liġi għal emendi fil-liġi tas-sigurtà soċjali
Hemm ukoll fuq l-aġenda tal-Kamra, l-Abbozz ta’ Liġi għal emendi fil-liġi tas-sigurtà soċjali biex jiddaħħal it-third pillar pension. L-Oppożizzjoni qed tistaqsi għaliex il-Gvern qiegħed idaħħal it-third pillar, li l-Oppożizzjoni taqbel fil-prinċipju, qabel is-second pillar li twassal għall-introduzzjoni tal-pensjoni addizzjonali. Dan hu importanti biex niddiskutu l-istat tal-pensjonijiet.

Inizjattivi Parlamentari mill-Oppożizzjoni
Il-Viċi Kap tal-PN qal li l-Oppożizzjoni qed tressaq abbozzi ta’ liġijiet u mozzjonijiet privati biex tipproponi proposti pożittivi fl-interess tal-poplu.

Hu semma l-Abbozz b’rabta mal-imġiba u l-etika fil-ħajja pubblika, li għalkemm hemm qbil tal-Gvern ukoll u sar ħafna xogħol, il-Gvern ma ppreżentahx fuq l-aġenda, sakemm saret insistenza mill-Oppożizzjoni u l-Gvern aċċetta li dan l-abbozz jiġi diskuss fil-ġimgat li ġejjin.

Hemm ukoll l-Abbozz ta’ liġi dwar l-istil ta’ ħajja sana u emendi kostituzzjonali dwar id-drittijiet diġitali u favur il-persuni b’diżabbiltà, u mozzjoni dwar is-saħħa biex jitjieb is-servizz tas-saħħa.

Jirriżulta iżda, li l-Gvern għadu ma ressaqx l-emendi Kostituzzjonali li ppreżentat l-Oppożizzjoni. “Jgħid li mhux kontra, iżda mhux qed iressaqhom għad-dibattitu u mhux qed jagħtihom prijorità.”

Mario de Marco qal li l-Oppożizzjoni mhux biss se tibqa’ tiskrutinja x-xogħol tal-Gvern, iżda se tibqa’ tkun attiva fil-ħin tal-mistoqsijiet parlamentari. Il-Gvern qiegħed juri li mhux qed jieħu gost b’din il-ħidma, u qiegħed jagħti tweġibiet xejn sodisfaċenti u ma tingħatax l-informazzjoni mitluba. Jew ukoll li ddum ma titwieġeb.

L-Oppożizzjoni wkoll se tibqa’ tagħti s-sehem tagħha fl-istqarrijiet ministerjali tal-Gvern, u se tkun qed tassigura li jkunu diskussi l-mozzjonijiet bi proposti tal-Oppożizzjoni biex tagħti l-kontribut għall-aqwa tfassil ta’ liġijiet.