Lokali

Jekk it-traħħis tal-kontijiet ma jiddependix fuq il-powerstation il-ġdida, għaliex se tinbena? – Marlene Farrugia

L-aħbar li l-power station il-ġdida mhux se tkun lesta sal-2015 wasslet għall-kritika tad-deputata tal-gvern stess, Marlene Farrugia, li fuq Facebook staqsiet għaliex għandna bżonn power station ġdida jekk il-Gvern qed jgħid li xorta se jraħħas il-kontijiet tad-dawl.

Qalet li l-Gvern seta’ jikkonverti l-impjant eżistenti tal-BWSC biex jibda jopera għall-gass minflok il-heavy fuel oil.

Staqsiet ukoll meta n-naħa t’isfel ta’ Malta, u l-pajjiż kollu se jkollu l-enerġija nadifa mwiegħda u qalet li din il-wegħda diġa’ waqgħet lura.

Staqsiet ukoll meta se jkun lest l-interconnector imwiegħed biex b’hekk tingħalaq il-power station tal-Marsa, wegħda oħra li s’issa għadha ma twettqitx.

Marlene Farrugia kompliet tistaqsi għaliex se nkomplu ngħarrqu Delimara biex jitpoġġa tanker tal-LNG fil-bajja ta’ Marsaxlokk.

Staqsiet ukoll jekk il-Gvern hux qed ibiddel l-istrateġija dwar l-enerġija filwaqt li qalet li hi taħseb li hekk għandu jsir. Madankollu staqsiet jekk issa hux possibbli jsir dan.

Marlene Farrugia temmet tgħid li l-poplu għandu bżonn spjegazzjonijiet għaliex il-poplu vvota għall-Gvern għaliex ried it-trasparenza.

marlene facebook comment

 

Ritratt: il-kumment sħiħ ta’ Marlene Farrugia fuq Facebook